Il-kumpanija Virtu Ferries ippreżentat rikors għall-ħrug ta’ mandat ta’ inibizzjoni fil-konfront tal-Gozo Channel wara li l-Bord għar-reviżjoni tal-kuntratti pubbliċi naqas milli jieħu deċiżjoni dwar oġġezzjoni li għamlu Virtu Ferries.
Virtu Ferries oġġezzjonaw għall-mod kif Gozo Channel ghażlet li tidhol fi ftehim ma’ Islands Ferry Network Ltd sabiex din tipprovdi l-fast ferries meta din ma kellha ebda esperjenza fis-settur. Virtu Ferries oġġezzjonaw ukoll għall-fatt li s-sejħa ta’ Gozo Channel għal sieħeb li għandu l-esperjenza f’dan is-settur speċjalizzat saret permezz tal-Preliminary Market Consultation u ma kinitx konformi mar-regolamenti dwar l-akkwisti pubbliċi. Virtu nsistew li dak li seħħ la kien preliminarju u anqas u anqas ma kien konsultazzjoni. Gozo Channel użaw din il-formola tal-Preliminary Market Consultation biex jevitaw preciżament milli jkunu konformi mar-regolamenti dwar akkwisti pubbliċi. Gozo Ferries infatti ffirmaw charterparty fejn ġie miftiehem il-kumpens lil Islands Ferry Network Ltd liema flejjes jitħallsu minn fondi pubbliċi.
Dan ma jistax jitqies iktar bħala eżerċizzju ta’ konsultazzjoni preliminari tas-suq kif oriġinarjament intqal.
Għaldaqstant biex Gozo Channel jidħlu fi ftehim ma’ entita’ privata, huma kienu marbuta jagħmlu dan skond ir-regoli tal-kuntratti pubbliċi (Public Procurement Regulations). Gozo Channel madankollu naqsu milli jagħmlu hekk. Dan il-ftehim sar bi skop li Gozo Channel u Islands Ferry Network flimkien ikun jistgħu jieħdu t-tender għas-servizz ta’ fast ferry bejn Malta u Għawdex.
It-tender għall-operat ta’ dan is-servizz titlob li l-operatur ikollu esperjenza minima ta’ 5 snin fil-qasam tal-fast ferry. Gozo Channel m’għandha l-ebda esperjenza fl-operat ta’ servizz fast ferry li huwa kompletament differenti mis-servizz ta’ ferry regolari u kien preċizament għall-din ir-raġuni li fil-Preliminary Market Consultation, Gozo Channel kienet qed titlob għal sieheb li kellu tali esperjenza. Operatur ta’ servizz fast ferry huwa rregolat b’liġijiet speċifiċi u stretti ħafna minħabba l-veloċita’ qawwija li jirrikkjedi s-servizz.
Il-kumpanija Island Ferry Network, li ġiet imwaqqfa biss ftit jiem qabel ma ġie ffirmat il-ftehim ma’ Gozo Channel, m’għandha ebda esperjenza fil-qasam u skont Virtu Ferries ma laħqet l-ebda kriterji teknici u finanzjari tat-tender. Lanqas ma għandha iċ-ċertifikat ta’ Compliance sabiex topera High Speed Craft kif obbligata mis-Safety of Life at Sea Convention.
Virtu Ferries, għall-kuntrarju, hija kkwalifikata biex topera servizz ta’ fast ferry u ilha taħdem f’ dan il-qasam ‘il fuq minn 30 sena. Virtu topera s-servizz ta’ fast ferry bejn Malta u Sqallija iżda tipoprovdi wkoll servizz ta’ passiġġieri bejn Venezja u l-Kroazja u s-Slovenja kif ukoll servizz għal passiġġieri u karozzi bejn Bari fl-Italja u Durres fl-Albanija.
//= $special ?>