Lokali

Iċ-ċifri dwar it-trasport juru l-bżonn kbir ta’ pjan fit-tul – Il-Partit Nazzjonalista

L-istatistika dwar it-trasport ippubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li pajjiżna jeħtieġ pjan fit-tul għat-trasport li jkollu qbil nazzjonali wiesa’ u li jkun wieħed għat-tul. L-istatistika li ħarġet hi għall-2016 imma x-xejriet ħżiena li wriet f’dik is-sena qed ikomplu u dawn jeħtieġ jinbidlu f’xejriet tajbin f’pajjiż li jkollu strateġija moderna għat-trasport.

Saħaq dan fi stqarrija l-kelliem tal-Partit Nazzjonalista għat-Trasport u l-infrastruttura Toni Bezzina.

Toni Bezzina qal li l-ewwelnett, fil-ħarsien tal-ħajja nnifisha, n-nies li mietu f’inċidenti tat-traffiku żdiedu għal 23 fl-2016. Apparti li kull mewt hi traġedja fiha nnifisha, pajjiżna qiegħed jitbiegħed flok joqrob lejn il-mira Ewropea ta’ nofs l-imwiet tal-2010, fl-2020. Fl-2010 Malta ġarrbet 15-il mewt fit-traffiku; sal-2016 tbegħdet flok qorbot lejn il-mira ta’ tmienja fl-2020. Dan juri falliment fir-Road Safety Audits li suppost isiru.

Iċ-ċifri juru wkoll li l-karozzi qed jiżdiedu b’mod ferm aktar milli jiflaħ pajjiżna tant żgħir. Fit-tliet snn bejn l-2013 u l-2016, żdiedu 45,000 karozza f’pajjiżna, 1,250 fix-xahar. Dan juri li l-mira ta’ użu akbar tat-trasport pubbliku ma ntlaħqitx minkejja l-ittripplar tas-sussidju għal €30 miljun fis-sena.

Iċ-ċifri juru li bejn l-2014 u l-2016, minkejja tnaqqis fl-ammont ta’ liċenzji tas-sewqan għal kull elf resident fuq it-18-il sena (minn 669 għal 661), il-bżonn li wieħed ikollu karozza żdied minn 924 għal 940 karozza għal kull elf resident fuq it-18. Fl-użu tat-trasport pubbliku, jidher ċar li ż-żieda ġejja mill-ħaddiema immigranti li jkollhom jużawhom ta’ bilfors fl-ewwel xhur tagħhom f’Malta.

Il-bżonn ta’ strateġija serja u moderna għat-trasport tidher ċar fiċ-ċifri dwar it-tniġġis mit-traffiku. Dan żdied bil-qawwi bejn l-2013 u l-2016, minn 520 għal 582 kiloton ekwivalenti ta’ CO2; żieda ta’ 12 % fi tliet snin biss. Ċifri Ewropej mill-Eurostat jikkonfermaw dan it-tniġġis akbar u juru li f’Malta qegħdin ir-raba’ mill-aħħar fl-Ewropa għall-kwalità tal-arja.

It-traffiku u t-trasport qed isiru dejjem aktar tema ta’ inkwiet għan-nies, ħela akbar ta’ ħin prezzjuż u anke ta’ flus fil-fuelli l-Gvern qed ikompli jgħollih. Toni Bezzina qal li dan l-inkwiet tan-nies u l-fatti kif jirriżultaw miċ-ċifri juru l-bżonn ta’ strateġija għat-tul dwar it-trasport li jkollha qbil wiesa’ politiku u fis-soċjetà tagħna biex nibdew nindirizzaw din il-kwistjoni ferm kbira f’pajjiż żgħir.