SAN ĠILJAN TUM INVEST…… 10
NEPTUNES LEO VEGAS………. 13
(2-0), (2-5), (3-6), (3-2)
Neptunes Leo Vegas jinsabu rebħa bogħod mill-25 kampjonat fl-istorja meta b’wirja fantastika għelbu liċ-champions San Ġiljan TUM Invest 13-10. Partita li fiha spikkat il-konċentrazzjoni ta’ Neptunes kontra n-nervożiżmu ta’ San Ġiljan li wara bidu tajjeb, donnhom tilfu rashom u ppermettew lil Neptunes jieħdu r-riedni tal-logħba.
Partita tajba għal diversi plejers ta’ Neptunes iżda fosthom jispikkaw il-versatilità ta’ Petar Muslim u l-esperjenza ta’ Niki Lanzon, Stevie Camilleri u Jordan Camilleri.
Bidu tajjeb minn San Ġiljan li rebħu l-ewwel sessjoni 2-0 b’gowls ta’ Matthew Zammit u Ben Plumpton. Id-difiża Ġiljaniża kienet soda fejn iddefendew b’għaqal u ma kkonċedewx man-ups lil Neptunes filwaqt li Jake Tanti ddistingwa ruħu fejn salva kull ma ġie għal idejh.
L-affarijiet inbidlu fit-tieni sessjoni hekk kif Neptunes ħarġu aktar determinati. San Ġiljan sofrew daqqa ta’ ħarta meta tilfu lil Andreas Galea minħabba li weġġa’. Neptunes irnexxielhom jagħmlu l-iskor 3-3 sa nofs is-sessjoni b’doppjetta ta’ Stevie u ħuh Jordan Camilleri.
Muslim poġġa lil Neptunes minn fuq għall-ewwel darba, iżda Paulo Obradovic wieġeb b’nofs minuta għat-tmiem is-sessjoni. Madankollu kien il-captain Niki Lanzon li daħħal lil Neptunes 5-4 minn fuq b’xutt mid-distanza.
Neptunes iddominaw it-tielet sessjoni hekk kif ħadu vantaġġ min-nervożiżmu żejjed tal-plejers Ġiljaniżi. Plumpton kien wieġeb għal gowl ta’ Muslim, iżda Neptunes marru 9-5 minn fuq b’doppjetta ta’ Stevie Camilleri u gowl mill-isbaħ ta’ Muslim bejniethom.
San Ġiljan deher li setgħu jidħlu fil-logħba b’lob ta’ Paul Fava u penalty ta’ Obradovic, iżda Neptunes kienu konċentrati biżżejjed biex sa tmiem is-sessjoni jerġgħu jiftħu ditstakk ta’ erba’ gowls permezz ta’ Muslim u Stevie Camilleri. L-affarijiet komplew ġejjin ħżiena għal San Ġiljan meta Paul Fava ntwera l-karta l-ħamra biex il-bankina ta’ San Ġiljan kompliet tiqsar.
Gowl mill-isbaħ ta’ Jeremy Abela fil-bidu tal-aħħar sessjoni għamel l-iskor 12-7. San Ġiljan baqgħu jittamaw b’żewġ gowls ta’ Matthew Zammit u Peter Borg bi tliet minuti għat-tmiem, b’Neptunes jikkontrollaw sat-tmiem, bil-gowl ta’ Dino Zammit wara dak ta’ Stevie Camilleri jkun inutli.
San Ġiljan: J. Tanti, P. Borg (1), A. Galea, B. Grech, C. Farrugia, M. Zammit (2), B. Plumpton (3), Da. Zammit, T. Said, P. Obradovic (2), P. Fava (1), Di. Zammit (1), T. Micallef
Neptunes: A. Borg Cole, N. Lanzon (1), K. Erdogan, G. Pace, P. Muslim (4), N. Zammit, S. Camilleri (6), J. Camilleri (1), J. Abela (1), M. Zammit, J. Muscat, M. Azzopardi, J. Parnis
Referees: Peter Balzan, Massimo Calabro
//= $special ?>