Internazzjonali

Il-Ġappun jintlaqat mill-aktar tifun qawwi f’25 sena

Il-Ġappun, fl-aħħar sigħat, ġarrab l-effetti tal-aktar tifun qawwi li qatt laqat lill-pajjiż f’25 sena, bl-uffiċjali joħorġu t-twissijiet urġenti għall-evakwazzjoni ta’ ‘il fuq minn miljun resident minn djarhom.

It-tifun ‘Jebi’ laqat l-ewwel iz-zoni tal-Punent fost il-ħalbiet tax-xita u l-irwiefen b’veloċità ta’ 172 kilometru fis-siegħa. L-elementi ħorox litteralment ‘mexxew’ tanker għal ġo pont fil-Bajja ta’ Osaka, bl-irwiefen iwaqqgħu partijiet tas-saqaf tal-istazzjon tal-ferrovija fi Kyoto. Dan fost il-ħsarat kbar lill-infrastruttura fl-ibliet ta’ Osaka u Kyoto.

Mietu numru ta’ nies fost il-maltemp ta’ ‘Jebi’ li qed javvanza mill-pajjiż. Hemm ukoll it-twissijiet dwar mewġ tal-baħar għoli, għargħar u valangi tat-tajn, b’għexieren ta’ eluf ta’ residenzi jispiċċaw mingħajr dawl.

Mijiet ta’ titjiriet u servizzi bil-ferroviji u l-ferries spiċċaw ikkanċellati, bil-Prim Ministru Ġappuniż, Shinzo Abe, jorganizza laqgħa ta’ emerġenza fejn sejjaħ ħalli n-nies ‘jieħdu azzjoni biex isalvaw ħajjithom u jirrispettaw id-direttivi għall-evakwazzjoni’.