Internazzjonali

Il-Libja: Jiżdied il-periklu għaċ-ċittadini fi Tripli

Il-ġlied kontinwu li għaddej bħalissa fil-qalba ta’ Tripli u l-madwar irriżulta f’eluf ta’ refuġjati. Dan qalu l-Gvern Libjan appoġġjat min-Nazzjonijiet Uniti u meta l-istess NU qed iħejji biex ilaqqa’ taħditiet bil-għan li tieqaf id-dmija fil-kapitali tal-Libja.

L-aħħar ċifri mill-Gvern Libjan qed juru li nqatlu ‘il fuq minn 50 persuna, b’aktar minn 140 jindarbu, kemm ilhom għaddejjin il-konfronti armati bejn il-milizzji rivali fiz-zoni tal-kapitali. Il-battalji bdew fis-27 ta’ Awwissu u l-parti kbira tal-vittmi huma ċivili.

Il-ġlied, fil-parti kbira, iddomina fis-sobborgi lejn in-nofsinar ta’ Tripli, fejn kważi 2,000 familja kienu kostretti li jaħarbu lejn bliet oħra fil-viċin jew ifittxu l-kenn f’distretti oħra ta’ Tripli.

Intant, l-awtoritajiet Libjani qalu li ħafna familji oħra għadhom ‘iżolati’ fi djarhom, b’uħud qed jirrifjutaw li jitilqu fost il-biża li jitilfu ħwejjiġhom.

L-awtoritajiet komplew li dawn il-familji jinsabu fi ħtieġa urġenti ta’ ikel u ilma u li xi gruppi li pruvaw jagħtuhom l-għajnuna spiċċaw attakkati minn aggressuri li ma kenux identifikati, li anki serqu numru ta’ ambulanzi.

Wara pawża qasira fil-ġlied fil-lejl li għadda, il-battalji komplew, qalb is-sobborgi fin-nofsinar ta’ Tripli.

Dan waqt li l-missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja stiednet ‘lill-partijiet interessati kollha’ biex jattendu għal taħditiet, bil-għan li l-vjolenza tieqaf.

Kelliema għall-UNSMIL qalu li t-taħditiet se jkunu magħluqa għall-istampa, bl-istess kelliema jirrifjutaw li jidentifikaw lill-mistednin inkella s-sede għat-taħditiet.

L-indikazzjonijiet huma li baqa’ effettiv is-stat ta’ emerġenza għal Tripli u l-madwar li kien ħabbar nhar il-Ħadd il-Gvern Libjan li jgawdi l-għarfien tan-NU.

Il-battalji attwali fi Tripli qed isiru bejn il-milizzji leali għal dan il-Gvern u l-gruppi armati li ġejjin mill-belt ta’ Tarhuna, lejn ix-xlokk tal-kapitali u mill-belt ta’ Misrata, fil-Punent tal-Libja.