Xogħol li qed isir f’diversi toroq f’daqqa f’Ħ’Attard, mingħajr konsultazzjoni mar-residenti u mal-Kunsill Lokali, wassal għal traffiku qawwi fl-inħawi. Traffiku li beda minn kmieni filgħodu u ppersista sa ftit qabel id-9am.
Ix-xogħol li qed isir f’diversi toroq wassal biex eluf ta’ karozza kienu sfurzati jgħaddu kollha minn Triq l-Imdina, bil-konsegwenza li s-serbut tal-karozzi kien jaqbeż anke l-Knisja tal-Madonna tal-Vitorja fuq barra ta’ Ta’ Qali anke f’ħinijiet fejn soltu din it-triq tkun pjuttost vojta.
Minkejja dan, matul it-triq kollha bejn ir-Rabat u Ħ’Attard ma kienx jidher imqar uffiċjal wieħed ta’ Transport Malta, bil-konsegwenza li rrenjat anarkija sħiħa.
Kif jidher fir-ritratt, matul it-triq kienet komuni li l-vetturi privati kif ukoll trakkijiet mgħobbija bix-xogħol bdew iduru kontra t-traffiku b’u turns biex jippruvaw isibu rotot oħra.
Din is-sitwazzjoni ilha għall-aħħar jiem, tant li t-traffiku f’dan l-inħawi kien imblukkat anke fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, għaliex fl-istess waqt Transport Malta għalqet ukoll l-aċċess minn diversi bnadi għal Ħaż-Żebbuġ.
Is-sitwazzjoni fl-aħħar sigħat saħansitra wasslet biex il-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard kellu jibgħat komunikazzjoni lil Transport Malta.
//= $special ?>