Lokali

L-għaddas żagħżugħ Neil Zammit jinstab mejjet

Instab bla ħajja Neil Zammit, iż-żagħżugħ ta’ 20 sena li kien irrappurtat nieqes wara li baqa’ ma telax mill-baħar wara li niżel jgħodos fl-inħawi ta’ Baħar iċ-Ċagħaq it-Tnejn.

Kien għal ħabta tal-erba’ ta’ wara nofsinhar li għaddasa tal-Forzi Armati lemħu l-katavru ta’ Neil Zammit fl-inħawi ta’ Baħar iċ-Ċagħaq. Minn hemm bdiet ħidma biex il-katavru jkun jista’ jittella’ minn qiegħ il-baħar.

It-tfittxija għal Neil Zammit bdiet it-Tnejn filgħaxija wara li l-għaddas żagħżugħ infired minn sieħbu, għaddas ieħor li kien miegħu qed jogħdos fl-inħawi ta’ Baħar iċ-Ċagħaq

Il-Pulizija spjegat li ż-żewġ għaddasa, ta’ 20 sena u ta’ 38 sena, kienu flimkien, iżda kien biss dak ta’ 38 sena li tela’ lura fil-wiċċ. Tfittxija minnu għal sieħbu rriżultat fin-negattiv, filwaqt li għall-ħabta tat-8.30pm intalbet l-għajnuna tal-Pulizija.

It-tfittxija li bdiet maż-żerniq tal-lum.

Għaldaqstant, fil-post issejjaħ ukoll ħelikopter tal-Forzi Armati ta’ Malta, li flimkien ma’ patrol boat bdew it-tfittxija.

It-tfittxija kellha tiġi sospiża tard mal-lejl u reġgħet kompliet ma sbieħ il-jum. Flimkien mal-membri tal-Forzi Armati, ingħaqdu numru ta’ għaddasa li b’mod volontarju kienu qed jgħinu fit-tfittxijiet għal Neil waqt li qraba taz-zaghzugh dehru max-xatt isegwu mill-qrib dak li kien ghaddej.

Filgħodu għal xi ħin it-tfittxijiet permezz tal-għaddasa kellhom jiġu sospiżi minħabba li kienet intlemħet ħuta kbira permezz ta’ ħelikopter li kien qed jgħin fit-tfittxijiet.

Kien aktar tard wara nofsinhar li t-tfitxxijiet issoktaw u kien hawn li nstab il-ġisem bla ħajja ta’ Neil Zammit.

Kif jixhdu filmati u ritratti li spiss kien itella’ fuq il-midja soċjali, Zammit kellu passjoni għas-sajd permezz tal-għads, b’persuni qrib tiegħu jiddikjaraw li kien jitħarreġ u jipprattika dan il-passatemp kważi ta’ kuljum għal sigħat sħaħ.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ, u x’seta’ wassal għall-mewt ta’ Neil għadom għaddejjin.