Raġel nieqes mid-dawl li talab biex ikun jista’ jpoġġi bilqegħda f’post li għalih suppost tingħata priorità fost oħrajn għal persuni b’diżabbiltà fuq karozza tal-linja, sfortunatament minflok safa’ aggredit mumenti wara li rikeb mill-Isptar Mater Dei.
Skont qraba tal-vittma, jirriżulta li r-raġel tela’ fuq tal-linja flimkien ma’ martu iżda fil-postijiet riservati sabu li kien hemm koppja żagħżugħa b’tarbija li wkoll kienet qed tokkupa wieħed mill-postijiet riservati.
Kien hawn li mart il-vittma talbet li r-raġel tagħha jkun jista’ jpoġġi fil-post okkupat mit-tarbija, iżda minflok sfat affaċċjata b’għajjat, u skont il-qraba anke attakkati fiżikament, għalkemm il-vittma fortunatament ma sofriex ġrieħi.
Il-Pulizija kkonfermaw li daħlilhom rapport dwar raġel li ġie aggredit, meta talab li jkun jista’ jpoġġi bilqegħda fuq tal-linja. Il-każ seħħ f’xi ħin bejn l-10:00 u l-10:30 tat-Tnejn filgħodu.
Net News jinsab infurmat ukoll li l-kumpanija Malta Public Transport qed tikkollabora mal-Pulizija.
//= $special ?>