Lokali

Rinnovata l-vettura tal-Mobile Blood Donation Unit

Wara ammont ta’ xhur, iċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm jista’ jerġa’ jgawdi mill-Mobile Blood Donation Unit, li jagħmilha aktar faċli biex id-Dipartiment jilħaq aktar lokalitajiet f’pajjiżna.

Din il-vettura twila madwar 26 metru kienet rinnovata l-aħħar fl-2009 biex fiha setgħu jkun aġġornat l-apparat meħtieġ għall-proċess tal-għoti tad-demm.

Grazzi għal dak ir-rinnovar, kienet saret aktar faċli li ċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm jasal fil-lokalitajiet mingħajr il-ħtieġa ta’ armar u żarmar f’postijiet, li jkollhom bżonn spazju u rekwiżiti għal tal-apposta.

B’dan ir-rinnovar, saru l-manutenzjonijiet meħtieġa minħabba li l-Mobile Blood Donation Unit jintuża’ regolarment minn eluf ta’ donaturi.

NET News tkellem ma’ Dr Alex Aquilina, id-Direttur taċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm, li spjega l-importanza tal-Mobile Blood Donation Unit għad-Dipartiment li jmexxi.

Dr Aquilina tenna l-appell biex aktar persuni jużaw is-servizzi tad-Dipartiment u jagħtu d-demm, li minnu jistgħu jibbenefikaw madwar tliet persuni.

Iċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm, fil-Pjazza tal-Isptar San Luqa fi Gwardamanġa, jiftaħ kuljum bejn it-8am u s-6pm.

Min-naħa l-oħra, il-Mobile Blood Donation Unit ikun f’numru ta’ lokalitajiet u l-informazzjoni dwar dan tinħareġ regolarment mid-Dipartiment u tkun ippubblikata fil-ġurnali lokali, fosthom f’In-Nazzjon.