Sport Waterpolo

Sliema jiksbu rebħa meritata

(Ritratt: Domenic Aquilina)
Marsaxlokk rebħa bogħod milli jirbħu l-Ewwel Diviżjoni

SLIEMA FRANK SALT…………. 12

SIRENS GREENTUBE…………… 7

(5-2), (2-1), (2-1), (3-3)

F’logħba li ż-żewġ timijiet ma xtaqux jilagħbu, Sliema Frank Salt rebħu l-ewwel konfront 12-7 kontra Sirens Greentube, u jekk jirbħu l-Ġimgħa jikkonfermaw posthom. Id-delużjoni kienet fuq iż-żewġ timijiet minħabba li riedu li jkunu huma li jilagħbu l-finali.

Sliema kkontrollaw mill-ewwel minuti tal-logħba u baqgħu fil-vantaġġ fejn żiedu l-vantaġġ gradwalment. Sirens ma dehrux fl-istess forma li biha taw battikata lil San Ġiljan fejn naqset il-kattiverja sportiva fil-logħba, bil-Kanadiż Nicolas Bicari jkun mgħasses tajjeb.

Bidu tajjeb minn Sliema li fetħu l-iskor mill-ewwel permezz ta’ Nicholas Bugelli. John Brownrigg ġab id-draw iżda Sliema reġgħu marru minn fuq u sa tmiem l-ewwel sessjoni kellhom vantaġġ komdu ta’ 5-2, bit-Taljan Christian Presciutti jiskorja doppjetta.

L-andament tal-logħba fl-ewwel sessjoni kien pjuttost kajman u dan kompla fit-tieni sessjoni b’Sliema jikkontrollaw il-partita. Jerome Gabarretta u gowl mis-centre ta’ Mark Meli komplew ikabbru l-vantaġġ tas-Slimiżi, b’Edward Aquilina jnaqqas id-distakk ftit qabel it-tmiem tas-sessjoni.

It-tim ta’ Sergio Afric għamel ċert mir-rebħa fit-tielet sessjoni hekk kif wara li Aquilina skorja t-tieni gowl personali, Sliema wieġbu permezz ta’ Mark Meli u gowl tajjeb ta’ Zach Mizzi.

L-aħħar sessjoni kienet aktar miftuħa bit-tnejn jiskorjaw tliet gowls filwaqt li l-kowċis għamlu użu aktar minn plejers li jilagħbu anqas, b’Sliema xorta jibqgħu jikkontrollaw.

Sliema: J. Sammut, J. Gabarretta (2), C. Presciutti (4), S. Azzopardi, M. Meli (2), K. Dowling, M. Spiteri Staines, D. Fenech, M. Cordina, J. Gambin (2), Z. Mizzi (1), N. Bugelli (1), Z. Sciberras

Sirens: N. Grixti, P. Privitera, E. Aquilina (2), N. Bicari (2), M. Grech, I. Riolo, C. Mercieca, J. Sciberras, J. Napier (1), J. Ciantar, L. Caruana, J. Brownrigg (2), G. Galea Curmi

Referees: Stefan Licari, Arnaldo Petronilli

Marsaxlokk eqreb li jerġgħu jirbħu l-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni

MARSAXLOKK BROWN’S…………. 4

BIRŻEBBUĠA FREEPORT…………. 3

(2-0), (0-1), (2-2), (0-0)

Marsaxlokk Brown’s Pharmacy resqu pass eqreb li jirbħu l-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni għat-tielet staġun konsekuttiv wara li rebħu l-ewwel finali minn possibbiltà ta’ tlieta kontra Birżebbuġa Freeport 4-3 f’logħba missielta u bilanċjata.

Marsaxlokk rebħu l-ewwel sessjoni 2-0 b’gowls ta’ Claudio Spiteri Debarro minn man-up u Norbert Hosnyanszky. Birżebbuġa daħlu fil-logħba fit-tieni sessjoni b’gowl ta’ Mikhael Cutajar wara li ż-żewġ timijiet kienu fallew man-up kull wieħed.

Birżebbuġa marru minn fuq għall-ewwel darba fit-tielet sessjoni meta l-ewwel David Pace Lupi ġab id-draw fil-bidu tas-sessjoni filwaqt li Matthias Ortoleva skorja minn man-up. Iżda ftit wara Michael Rizzo ġab id-draw u b’anqas minn minuta mit-tmiem Christian Gialanze skorja l-gowl tal-vantaġġ li iżda kellu jkun dak tar-rebħa.

Dan għaliex fl-aħħar sessjoni ħadd ma rnexxielu jiskorja. Birżebbuġa kellhom erba’ okkażjonijiet ta’ man-ups li ma skorjawx filwaqt li Marsaxlokk kellhom tliet okkażjonijiet biex jippruvaw jagħlqu l-logħba. Fl-aħħar sessjoni, Birżebbuġa kienu erratiċi fl-attakki fejn bdew jiżbaljaw diversi passaġġi li setgħu jkunu perikolużi.

Marsaxlokk: R. Coleiro, C. Spiteri Debarro (1), L. Calleja, C. Bonello, C. Gialanze (1), N. Hosnyanszky (1), J. Galea, M. Rizzo (1), B. Buhagiar, R. Scerri, M. Pace, O. Zammit, K. Lanzon

Birżebbuġa: D. Abela, M. Ortoleva (1), N. Cassar, D. Pace Lupi (1), S. Mora, J. Rizzo Naudi, S. Vassallo, D. Cutajar (1), S. Micallef, M. Cutajar, K. Rizzo Naudi, J. Zerafa Gregory, D. Spiteri

Referees: Ronnie Spiteri, Massimo Calabro