Il-Pulizija għadha qed tfittex lil żewġ Somali li kienu nvoluti f’argument ma’ Libjan nhar il-Ħadd filgħodu, għall-ħabta tal-05:15..
Il-każ seħħ fi Triq ix-Xatt, il-Gżira, meta t-tliet persuni kienu nvoluti f’argument li eskala tant li saħansitra ntużat arma bil-ponta u li taqta’. F’dan il-każ, il-Libjan intlaqat tant li fil-post kien hemm taqtir tad-demm.
Net News jinsab infurmat li l-Libjan, li għandu 27 sena u residenti Birżebbuġa, mar l-isptar biex jingħata l-kura u ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi ħfief.
Dwar dan il-każ, l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin iżda l-informazzjoni dwar dan il-każ hi minima, hekk kif il-Libjan identifika biss liż-żewġ aggressuri bħala “żewġ Somali.”