“Illum ħafna kuntratti għandhom elementi li jmorru bejn il-fruntieri, u wieħed irid jindirizza l-elementi varji li jeżistu f’pajjiżi differenti, kemm jekk ikunu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, is-sigurtà soċjali kif ukoll l-infurzar biex jindirizzaw l-illegalitajiet. Ix-xogħol u li wieħed jagħmel in-negozju madwar l-Ewropa huwa dritt fundamentali taċ-ċittadini tal-UE u għandna bżonn niżguraw appoġġ adegwat u nagħtu gwida lill-ħaddiema u n-negozji dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom.” L-MEP Francis Zammit Dimech qal dan waqt laqgħa tal-Kumitat dwar Affarijiet Legali fil-Parlament Ewropew fi Brussell li matulha ġie diskuss it-twaqqif ta’ awtorità Ewropea ġdida biex tindirizza kwistjonijiet tax-xogħol.
Zammit Dimech, li huwa r-Rapporteur tal-Grupp tal-PPE dwar dan il-fajl, spjega kif irrispettivament minn bosta regolamenti dwar il-moviment liberu u l-istazzjonar tal-ħaddiema, l-infurzar effettiv u effiċjenti jibqa’ problematiku u skars madwar l-UE, possibilment minħabba kooperazzjoni insuffiċjenti. Zammit Dimech qal li dan juri għaliex l-armonizzazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni fis-settur huma meħtieġa.
“Il-ħaddiema jistgħu jkunu vulnerabbli f’xi każijiet u abbużati, miċħuda mid-drittijiet tagħhom u hu għalhekk li din l-awtorità hi meħtieġa. Madankollu, dan mhux biss dwar il-ħaddiema. Il-moviment liberu tan-nies iġib benefiċċji sostanzjali lill-kumpaniji u lill-ekonomija. In-negozji li jaħdmu f’ambjent mhux ċar jew f’qafas mhux ugwali jistgħu jkunu żvantaġġjati. Iċ-ċarezza fis-settur tgħin biex tindirizza l-iskarsezza tax-xogħol u tiġġenera aktar tkabbir,” qal Zammit Dimech.
Barra minn hekk, huwa rrimarka li l-prattiċi ħżiena attwali kienu qegħdin jikkawżaw ħsara lin-negozji u għalhekk talab għal infurzar bejn il-fruntieri effettiv u effiċjenti. “It-twaqqif ta’ din l-awtorità huwa rilevanti wkoll għal Malta fejn qed naraw nuqqas ta’ ippjanar u politika fit-tul, f’termini tan-numru kbir ta’ immigrazzjoni tal-ħaddiema, ferm ogħla min-numru ta’ nies li jiċċaqilqu barra mill-pajjiż, li qed iwassal għal abbużi, kundizzjonijiet ta’ għajxien detrimentali, u impatt fuq ċittadini oħra tal-UE inkluż dawk Maltin, kif ukoll kompetizzjoni inġusta għan-negozji.”
Zammit Dimech enfasizza l-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-data fil-ġbir u l-iskambju tal-informazzjoni, l-importanza li jiġu promossi opportunitajiet ta’ xogħol fi ħdan l-unjoni għal persuni b’diżabilità u kooperazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri f’termini ta’ infurzar. Zammit Dimech talab għal aktar trasparenza u rappurtar biex l-awtorità tkun aktar responsabbli.
//= $special ?>@FrancisZD during @EP_Legal: "In #Malta, we are experiencing the lack of proper planning with regards to migration issues to tackle the sheer number of people added on to the workforce per year, which is well above over the number of people moving out of the country." pic.twitter.com/wAntoTQOhq
— EPP_MT (@EPP_MT) September 4, 2018