Internazzjonali

Ftehim għall-waqfien mill-ġlied fil-Libja

Hekk kif in-Nazzjonijiet Uniti irnexxielha tinnegozja waqfien mill-ġlied fil-Libja wara ġimgħa ta’ ġlied qalil madwar il-kapitali, Tripli, bejn gruppi avversarji ta’ rġiel armati, l-awtoritajiet Maltin permezz tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Carmelo Abela, wissew biex il-Maltin jevitaw milli jivvjaġġaw lejn il-Libja sakemm jinħareġ avviż ieħor bil-kontra.

It-twissija ħarġet fl-isfond tal-ġlied fil-Libja, li ħalla madwar 50 persuna mejta u wassal biex kważi 2,000 familja jaħarbu minn djarhom.

Fl-istess waqt, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin qal li mill-informazzjoni li għandu sa issa, jidher li l-Maltin kollha fil-Libja jinsabu qawwijin u sħaħ. Il-Ministeru żied li qed isegwi mill-qrib is-sitwazzjoni fil-Libja waqt li qed iżomm kuntatt mal-Maltin f’dan il-pajjiż.

Dan il-waqfien mill-ġlied innegozjat min-Nazzjonijiet Uniti wassal ukoll għall-ftuħ tal-uniku ajruport li jaħdem fi Tripli, dak ta’ Mitiga. Ajruport li kien ilu magħluq mill-31 ta’ Awwissu minħabba l-ġlied.

In-Nazzjonijiet Uniti insistiet li l-waqfien mill-ġlied ma kellux l-iskop li jsolvi l-problemi kollha f’dik li hi sigurtà fi Tripli, imma aktar biex iservi ta’ qafas għall-proċess biex jissolvew dawn id-diffikultajiet.