Internazzjonali

Identifikati bħala spjuni Russi r-responsabbli għall-każ Skripal

Alexander Petrov (lemin) u Ruslan Boshirov (xellug).

L-awtoritajiet Russi identifikaw lil Alexander Petrov u Ruslan Boshirov bħala dawk li poġġew il-velenu biex jinqatlu Sergei Skripal, eks spjun Russu, u bintu Yulia.

Hu ssuspettat li dawn iż-żewġ Russi huma aġenti tas-servizz sigriet militari Russu.

Scotland Yard, nhar l-Erbgħa qalet li kien hemm evidenza biżżejjed biex dawn it-tnejn jiġu akkużati formalment, imma ma kinitx se tintalab estradizzjoni mir-Russja peress li dan kien ikun ħela ta’ ħin għaliex ma hemmx ftehim dwar dan ma’ Moska.

L-awtoritajiet Ingliżi qalu li issa kienu ħarġu mandat ta’ arrest Ewropew fil-konfront taż-żewġ Russi.
Skripal, li għandu 66 sena, u bintu Yulia ta’ 33 sena, kienu avvelenati bil-kimika Novichok f’Marzu, f’Salisbury. Dan il-velenu tpoġġa mal-pum tal-bieb tar-residenza tagħhom bi flixkun tal-fwieħa.

Il-Pulizija wkoll stabbiliet li kien hemm rabta mal-każ tat-30 ta’ Ġunju f’Amesbury – madwar għaxar kilometri minn Salisbury – u li ra lil Dawn Sturgess u Charlie Rowley jispiċċaw mitlufin minn sensihom, u bi Sturgess tmut fid-9 ta’ Lulju.

Il-Pulizija Ingliża qalet li ż-żewġt irġiel waslu fl-ajruport ta’ Gatwick minn Moska fit-2 ta’ Marzu u qagħdu fis-City Stay Hotel, f’Bow Road, fil-Lvant ta’ Londra. Fl-4 ta’ Marzu huma mbagħad marru Salibury biex ipoġġu l-velenu. Dan wara li ġurnata qabel kienu żaru l-post.

Il-Pulizija wkoll appellat għall-informazzjoni minn min kien fil-lukanda msemmija bejn l-4 ta’ Marzu u l-4 ta’ Mejju.

Sturgess u Charlie Rowley spiċċaw avvelanti wara li ġabru l-flixkun tal-fwieħa li ntuża kontra l-koppja Skripal.