Lokali Qorti

Il-Kap tal-Oppożizzjoni juri kif l-Avukat Ġenerali kiser il-Kostituzzjoni

Illum fil-Qorti Kostituzzjonali kompliet tinstema l-kawża tal-Kap tal-Oppożizzjoni kontra l-Avukat Ġenerali fejn Adrian Delia qed jitlob li jingħata kopja sħiħa tar-rapport tal-inkjesta Egrant.

Fix-xhieda tiegħu Adrian Delia insista li t-talba tiegħu biex jingħata kopja tar-rapport komplut tal-inkjesta hija waħda leġittima u marbuta mar-rwol tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni. Rwol li huwa wieħed li jorbtu wkoll b’obbligi lejn il-pajjiż. Adrian Delia kompla jgħid li huwa għalhekk li biex ikun hemm bilanċ hu għandu jingħata l-istess aċċess ta’ informazzjoni li ngħata l-Prim Ministru.

Adrian Delia spjega fix-xhieda tiegħu kif anke l-konklużjonijiet infushom iqanqlu mistoqijiet oħra li jistgħu ikunu ta’ interess pubbliku u li huwa evidenti li r-rapport sħiħ jinkludi fih informazzjoni importanti oħra. Huwa kompla jgħid li jekk il-Prim Ministru ingħata din l-informazzjoni bħala għodda biex ikun jista jamministra u jeseggwixxi r-rwol tiegħu, l-Avukat Ġenerali deherlu li kellu jostor u jċaħħad lill-Kap tal-Oppożizzjoni mill-istess għodda.

B’hekk Adrian Delia qal li wara li l-Avukat Ġenerali naqas li jżomm bilanċ fi kwestjoni ta’ interess nazzjonali, għandha tkun il-Qorti Kostituzzjonali li tirrestawra dan id-dritt.

Waqt is-seduta l-Avukat Ġenerali għadda kumment fis-sens li kawżi bħal dawn jinfetħu biss għal skop ta media. Kumment li għalih irreaġixxa l-kap tal-oppozizzjoni fejn qal li huwa ta’ disrispett li l-Avukat Ġenerali jgħaddi kummenti ta’ dan it-tip dwar ix-xogħol tal-qorti, partikolarment dwar kawża ta’ ksur kostituzzjonali.

F’kummenti li lil netnews.com.mt wara s-seduta, Adrian Delia qal li hu beħsiebu jibqa jissielet għaliex din hija ġlieda għal-libertà tal-espressjoni u d-demokrazija.