Żvolta ġdida fil-każ tal-ħaddiem Għawdxi li f’Lulju tas-sena l-oħra weġġa’ serjament waqt li kien qed jagħmel xogħol ta’ qtugħ ta’ ħaxix, f’liema inċident kien hemm involut ukoll is-Sindku Laburista tal-Qala Paul Buttigieg.
Dan hekk kif jirriżulta li fil-jiem li għaddew il-ħaddiem inkwistjoni għamel kawża għad-danni lis-Sindku Laburista Paul Buttigieg kif ukoll mandat ta’ sekwestru.
Żvelat dan il-gazzetta In-Nazzjon li kompliet tgħid li fil-jiem li għaddew fil-Qorti ta’ Għawdex kienet ippreżentata kawża għal eluf kbar ta’ danni kontra s-Sindku Laburista tal-Qala Paul Buttigieg wara li dan allegatament weġġa’ gravi ħaddiem.
Jirriżulta wkoll li kien ippreżentat ukoll mandat fejn it-talba għad-danni tqarreb il-kwart ta’ miljun ewro.
Preċiżament dan l-inċident kien ġara fil-Qala fit-18 ta’ Lulju tal-2017 fi Triq il-Kunċizzjoni.
Kienet il-gazzetta In-Nazzjon li kienet żvelat dettalji dwar l-inċident li kien seħħ wara li Paul Buttigieg kien ħa miegħu ħaddiem biex jaqtgħu l-ħaxix ħażin u meta l-istess Sindku allegatament kien qed juża l-grass cutter biex jaqta’ ħaxix ħażin, dan mar għal fuq il-ħaddiem u ikkawżalu ġrieħi gravi tant li baqa’ jsofri minn diżabbiltà permanenti.
Ta’ min jgħid li dakinhar tal-inċident, b’mod mill-aktar stramb, ma kenux ġew involuti l-Pulizija tant li l-Pulizija ma kenux issejħu fil-post tal-inċident. Lanqas mill-Isptar it-Tabib li kkura lill-vittma ma kienx ħassx il-bżonn li jirrapporta l-każ lill-Pulizija. Barra minn hekk l-istess Sindku Laburista Paul Buttigieg ukoll kien naqas milli jirrapporta l-każ lill-Pulizija.
Barra minn hekk anqas kienu ġew involuti tal-OHSA u kien biss wara ġimgħa mill-inċident serju li dawn kienu ġew infurmati.
//= $special ?>