Ewropa

Manfred Weber iħabbar li se jikkontesta għall-kandidatura tal-PPE biex isir il-President tal-Kummissjoni Ewropea

MILL-ARKIVJI: Manfred Weber intervistat minn NET News f'Valencia

Iċ-Chairman tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew fil-Parlament Ewropew Manfred Weber, dalgħodu, waqt laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-PPE, ħabbar li se jkun kandidat għan-nomina tal-Partit Popolari Ewropew għal dik li hi magħrufa bħala l-Isplitzenkandidat, jiġifieri kandidat għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea. B’hekk, Weber, MEP Ġermaniż, hu l-ewwel persuna li ħabbar uffiċjalment li hu interessat li s-sena d-dieħla, jieħu post Jean Claude Juncker bħala l-President tal-Kummissjoni Ewropea.

Is-sena li għaddiet, Manfred Weber kien f’Malta darbtejn hekk kif attenda l-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew li sar f’Marzu, kif ukoll indirizza wieħed mill-mass meetings tal-kampanja elettorali matul ix-xahar ta’ Mejju.

Fl-2014, kienet l-ewwel darba li ntużat il-proċedura tal-Isplitzenkandidat, fejn il-partiti politiċi Ewropej ħabbru l-kandidat tagħhom għal President tal-Kummissjoni Ewropea minn qabel l-elezzjonijiet Ewropej, biex imbagħad, wara l-elezzjoni, l-akbar partit li ġab voti – f’dak il-każ il-Partit Popolari Ewropew – jkollu l-kandidat tiegħu approvat mill-Parlament Ewropew bħala President tal-Kummissjoni Ewropea.

Fl-aħħar ġimgħat, fi Brussell, kien hemm diversi dibattiti dwar il-proċedura tal-Isplitzenkandidat, b’numru ta’ MEPs minn gruppi politiċi differenti li ma jaqblux magħha. Il-President Franċiż Emmanuel Macron hu fost dawk li qed jopponu s-sistema tal-Isplitzenkandidat.

Il-Partit Popolari Ewropew, li l-Partit Nazzjonalista hu membru tiegħu, se jkun qed jagħżel il-kandidat tiegħu għal President tal-Kummissjoni Ewropea waqt Kungress li se jsir f’Helsinki, l-Fillandja f’Novembru li ġej.