Ir-rebbieħ tal-Open tal-Istati Uniti tas-sena l-oħra Rafael Nadal tħabat biex avvanza għas-semifinali wara li għeleb lil Dominic Thiem f’ħames sets, f’dik li kienet l-itwal logħba f’din l-edizzjoni sa issa.
Is-sid numru wieħed tilef l-ewwel set 6-0 iżda rkupra biex mar fuq quddiem, sakemm Thiem ġab id-draw biex il-logħba kellha tiġi deċiża fil-ħames set. L-Ispanjol finalment irnexxielu jirbaħ 0-6, 6-4, 7-5, 6-7, 7-6.
Is-17-il darba rebbieħ ta’ Grand Slam kellu bżonn erba’ sigħat u 49 minuta biex jegħleb lil Thiem, b’Nadal jaqbeż fuq in-naħa l-oħra tal-court biex jikkonsla lill-avversarju hekk kif dawk preżenti f’Arthur Arshe Stadium qamu biex iċapċpu liż-żewġ tennisti.
It-tul tal-logħba spiċċat biex kienet vantaġġ għal Nadal li għalih kienet is-17-il logħba fi Grand Slam li qabżet l-erba’ sigħat filwaqt li għal Thiem din kienet l-ewwel darba fil-karriera tiegħu.
Nadal fis-semifinali se jkun qed jilgħab kontra Juan Martin del Potro hekk kif l-Arġentin irnexxielu jegħleb lil John Isner 6-7, 6-3, 7-6, 6-2. L-umdità spikkat hekk kif l-uffiċjali ssospendew il-logħob tal-kompetizzjoni tal-Juniors għal aktar minn sagħtejn, filwaqt li Del Potro u Isner kellhom għaxar minuti waqfa bejn it-tielet u r-raba’ set, bit-temperatura tilħaq it-38°C.
Isner kien rebaħ l-ewwel set b’tie-break qabel del Potro rebaħ it-tieni set bi break fir-raba’ logħba li bidlet l-andament. L-Arġentin sid numru tlieta rebaħ it-tielet set b’tie-break biex kiser is-service fit-tieni logħba tar-raba’ set fi triqtu lejn ir-rebħa fi tliet sigħat u 31 minuta.
//= $special ?>