BLOGS Lokali

OPINJONI – Adrian Delia u r-realtà politika

Artiklu miktub mid-Deputat Carm Mifsud Bonnici u ppubblikat fil-ħarġa tal-lum tal-gazzetta In-Nazzjon

Il-vot hu likwidu?

1. Hemm sibtu nhar it-Tlieta filgħaxija. Miġbur bin-nies madwaru. Isellem, jitbissem, jieħu b’idejn dawk li ġew għall-festa. Jifraħ bihom, jifirħu bih. Jitkellem, jisma’, josserva u jsir jaf. Dan hu li sibt lill-Kap tal-Partit Dr. Adrian Delia jwettaq il-Gudja lejliet il-festa nazzjonali tal-Assunta. Ma kienx l-uniku raħal li mar fih f’dawn il-ġranet ta’ dan is-sajf mill-iktar qawwi bis-sħana. Kien beda dan il-proċess fil-kampanja għat-tmexxija tal-partit. Kien iltaqa’ ma’ dawk li huma tal-partit. Kien irnexxielu jipperswadihom. Illum għaddej fit-triq ’il quddiem biex jikkonvinċi lill-poplu.

Kuraġġ u determinazzjoni

2. Il-bniedem għandu doża qawwija ta’ pożittiviżmu u determinazzjoni. Jaf fejn sejjer. Ċar fl-ideat tiegħu. Fuq kollox ma jaqtax qalbu. Ikunu x’ikunu l-avversitajiet, għandu s-saħħa interna biex jikkonfrontahom. Niftakarni meta ltqajt miegħu l-ewwel darba nistaqsih jekk kienx jaf għal liema sfidi ħoxnin kien se jidħol fit-tmexxija tal-partit, u weġibni iva. Illum napprezza ferm iktar li kien jaf li kellu għadma iebsa lesta għalih meta weġibni. Iebsa għax il-partit bl-aħħar telfa elettorali tiegħu kien qala’ daqqa ta’ ħarta qawwija. Illum iktar u iktar b’saħħitha dik d-daqqa fil-kredibbiltà tal-messaġġ tiegħu wara r-rapport maġisterjali dwar il-kwistjoni tal-Egrant.

X’kunsens elettorali

3. Trid tkun maqtugħ mir-realtà politika ta’ dawn l-gżejjer li taħseb li l-kunsens elettorali mnaqqas f’Ġunju 2017 kien se jibqa’ mwaħħal magħna wara. Irridu naċċettaw li l-eventi li seħħew wara dak l-appuntament bagħtu iktar u iktar il-messaġġ li kien hemm ferm iktar xi jsir biex il-partit jiġi lura fuq saqajh. B’partit li ntilef tant fil-kampanji elettorali interni tiegħu b’pożizzjonijiet u diskors żejjed. Pożizzjoni li tant saħnet fix-xejn li kompliet għaddejja wara. Għadna naraw sa ftit ilu kemm għadna ma fihmniex kemm hu importanti li l-kapitolu jagħlaq lilu nnifsu. Kellu opinjoni mod imma seħħ mod ieħor. Biss f’dan kollu trid tkun qiegħed tagħmel ġudizzju politiku żbaljat u maqtugħ biex taħseb u tippretendi minn dan il-partit li f’inqas minn sena mill-bidla li seħħet ikun qiegħed jiġbor kunsens elettorali qawwi.

Gladjatur

4. Il-Kap tal-Partit għandu fis-sħiħ l-elementi essenzjali ta’ dak li lest li jissielet għall-ideat, għall-ħajja tiegħu fl-arena politika. Jikkonfronta u jifhem li jrid jiġi kkonfrontat. Ma joqgħodx lura milli jesprimi l-ideat tiegħu. Ma jiġrix. Joqgħod attent ħafna, ħafna iktar milli ħaddieħor qal dwaru, imma ma joqgħodx lura minn dak li jemmen fih. Taf fejn int miegħu. Mal-prinċipji nsara, mal-imħabba għall-valur tal-familja, mal-importanza tal-Partit Nazzjonalista ma tmisslux. Għandu, iva, kontra tiegħu. Saritlu l-ħsara tad-diskors vojt, malinn ukoll li bih wieħed ikun irid joskura gladjatur. Għadda minn kampanja sistematika biex ikun hemm l-assassinju tal-karattru. L-iktar ovvjament minn dawk li qegħdin fil-poter li fehmu mill-ewwel li għandu potenzjal qawwi fost l-elettorat tal-lum. Għadda minn dan imma r-realtà politika hi li għadu b’saħħtu jikkumbatti l-avversarji u joqtol l-iljuni.

Hu l-Kap

5. Ma dħaltx ilbieraħ fil-politika. Tgħallimt li trid toqgħod lura ssegwi u tara bil-kalma dak li jkun għaddej. Safejn qiegħed jasal il-messaġġ u safejn jista’ jasal. Il-verità u r-realtà politika hi li għandna sfida qawwija biex ninstemgħu u nwasslu l-vuċi tal-partit. Waħda li bdejna negħlbu. F’dawn il-ftit xhur, il-Kap tal-Partit qiegħed jinstema’ ferm u ferm iktar milli kien. Ma huwiex forsi biżżejjed. Il-vuċi tagħna trid tkun iktar preżenti. Biex tkun hekk għandna bżonn inkomplu nagħmlu l-midja tagħna iktar b’saħħitha. Il-passi li saru taħt id-direzzjoni tiegħu f’NETfm huma f’din il-linja. Ġiebu diġà effett tajjeb. Effett li għandna nagħrfu li fih il-fatt li l-aqwa karta għall-partit tibqa’ l-preżenza u l-impenn dirett tiegħu. Impenn li f’dawn ix-xhur issoda, tbaskat u mmatura ferm.

L-elettorat inbidel

6. Il-Kap għandu madwaru bnedmin li qegħdin jaħdmu tajjeb ħafna. Diversi oħrajn qegħdin jingħaqdu iktar miegħu. Sew fl-intern tal-partit b’organizzazzjoni aqwa u b’tisħiħ tal-aspett finanzjarju sew f’barra. Għax l-elettorat ma għadux bħal ta’ snin ilu. Ma huwiex marbut fuq naħa u ma jridx jiċċaqlaq. Sar wieħed li jiċċaqlaq iktar malajr. Hu wieħed li l-magħruf Zygmunt Bauman kien isejjaħ żgur wieħed likwidu. Hemm iktar minn qabel differenza fil-kalatura li tmexxi bniedem biex jivvota għal partit u mhux għal ieħor. F’dan irridu naċċettaw li għalkemm tlaqna minn vot ta’ identità, issa sejrin iktar lejn dak ta’ proposta, jew protesta jew reazzjoni. Inqas qed iħossuhom marbuta ma’ partit jew ma’ ieħor. Iktar lesti li jħarsu lejn dak li qed jingħad u minn min qiegħed jingħad. Kull stħarriġ jagħmel dan iktar ċar. Proprju għax il-vot sar ferm likwidu li qed jinfetħu bibien ġodda għall-Partit Nazzjonalista immexxi mid-direzzjoni u l-għaqal tal-Kap tiegħu, Dr Adrian Delia.