Futbol Sport

Pekerman ma jibqax kowċ nazzjonali tal-Kolombja

Jose Pekerman ma għadux kowċ nazzjonali tal-Kolombja wara sitt snin fit-tmexxija. L-Arġentin mexxa lit-tim Kolombjan sal-fażi tan-knock-out fl-aħħar żewġ edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja u t-tielet post fil-Copa America tal-2016.

Iżda l-kowċ ta’ 69 sena ddeċieda li ma jiffirmax kuntratt ġdid. Il-President tal-Federazzjoni tal-Futbol fil-Kolombja Ramon Jesurun ikkonferma l-aħbar it-Tlieta, ġimgħa wara li wera x-xewqa li Pekerman imexxi lit-tim għat-Tazza tad-Dinja tal-2022 fil-Qatar.

L-eks kowċ tal-Messiku Juan Carlos Osorio kien kunsidrat bħala suċċessur ta’ Pekerman, iżda aktar kmieni din il-ġimgħa nħatar kowċ tal-Paragwaj. Il-Kolombja kienet waslet sal-kwarti tal-finali tat-Tazza tad-Dinja fl-2014 qabel ma kienu eliminati mill-Brażil.

Pekerman kien ukoll kowċ tal-Arġentina fit-Tazza tad-Dinja tal-2006 fil-Ġermanja. Wara d-diżappunt tal-Arġentini fl-aħħar edizzjoni fir-Russja, teżisti spekulazzjoni li Pekerman jista’ jerġa’ jsir kowċ nazzjonali tal-Arġentina għat-tieni darba.