B’riżultat tal-pressjoni kbira li saret fuqu, Gwardjan Lokali li kien ħareġ ċitazzjoni għal kontravenzjoni tat-traffiku minn mara fil-Marsa, kien lest li jitla’ jixhed fis-seduta tat-Tribunal u jgħid li kien ħa żball meta ħareġ iċ-ċitazzjoni u dan bl-iskop li din iċ-ċitazzjoni taqa’ u l-mara ma teħel tal-ebda kontravenzjoni.
Żvelat dan il-gazzetta in-Nazzjon li kompliet toħroġ dettalji dwar il-każ ta’ abbuż li seħħ quddiem it-Tribunal taż-Żejtun meta uffiċjal mis-Segretarjat ta’ Silvio Parnis intbagħat fit-Tribunal biex jiddefendi l-persuna li qalgħat iċ-ċitazzjoni.
In-Nazzjon tirrapporta li fil-fatt il-Gwardan Lokali li kien ħareġ iċ-ċitazzjoni, qabel is-smigħ tal-każ quddiem it-Tribunal taż-Żejtun kien stqarr li darba jixhed hu kien se jgħid li kien ħa żball meta ħareġ iċ-ċitazzjoni biex hekk ikollu jirtiraha.
Dwar dan kien intervjena mill-ewwel l-Ispettur Marius Bugeja li kien ġibed l-attenzjoni tal-kollega tiegħu li dak li kien għamel kien korrett meta ħareġ tali ċitazzjoni. Kien qallu wkoll li ma kienx qed jgħid il-verità meta kien qed jgħid li meta kien ħareġ iċ-ċitazzjoni kien ħa żball.
L-istess Spettur żied jenfasizzalu li kellu joqgħod attent kif jagħti x-xhieda tiegħu u li kellu jgħid il-verità u xejn inqas mill-verità.
Dan kollu hu direttament marbut mal-każ ta’ Uffiċjal fis-Segretarjat Parlamentari mmexxi mis-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis li lejn tmiem Lulju li għadda kien intbagħat b’missjoni speċifika fit-Tribunal taż-Żejtun bl-iskop li jiddefendi mara minn kontravenzjonijiet maħruġa fil-konfront tagħha.
Fiċ-ċentru ta’ din l-istorja Joe Borg, l-Uffiċjal fis-Segretarjat Parlamentari tad-Deputat Silvio Parnis, li hu stess stqarr għal aktar minn darba li kien qiegħed jidher mal-persuna li kellha l-kontravenzjonijiet għaliex kien intbagħat mis-Segretarjat Parlamentari tal-Onorevoli Silvio Parnis biex jiddefendiha.
Din kienet xi ħaġa li hu qatt ma seta’ jagħmel – jew li qatt ma messu tqabbad li jagħmel – għaliex la jiġi mill-istess persuna li kienet qed tiffaċċja l-kontravenzjonijiet u anqas hu b’xi mod relatat ma’ xi kumpanija li l-istess mara hi involuta fiha.
Sa issa Silvio Parnis – iffaċċjat mir-rapporti żvelati minn In-Nazzjon – ma kellu l-ebda reazzjoni għal dan l-abbuż serju u ndħil fi proċess suppost serju dwar kontravenzjonijiet tat-traffiku.
//= $special ?>