Kienet mara siekta u li minkejja t-tbatijiet f’saħħitha, baqgħet qrib il-pazjenti sakemm kien possibbli. Aktar minn kollega, kienet ħabiba.
Hekk kienet deskritta Joanna Vella, infermiera ta’ 58 sena li fil-jiem li għaddew mietet għall-għarrieda għalkemm għaddiet l-aħħar 16-il sena tbati minn kundizzjoni f’qalbha. Fil-fatt, hi mietet erbat ijiem biss wara li ċċelebrat għeluq sninha mal-familja.
L-eks kollegi tagħha qed ifakkru l-memorja tagħha għall-imħabba li kellha fil-professjoni tagħha. Matul il-karriera tagħha, hi ħadmet f’diversi istituzzjonijiet, fosthom fid-Dipartiment tal-Emerġenza, abbord il-ħelikopter tar-Rescue Corps u anke f’istituzzjonijiet oħra privati.
Għal diversi snin, kienet tkun responsabbli wkoll minn safar ta’ pazjenti, li ta’ kuljum kienu jżuru xi pajjiż ieħor għall-kura tagħhom.
Omm ta’ żewġt itfal u nanna ta’ ħamsa, Joanna llum se tkun qed issirilha Quddiesa b’suffraġġju għal ruħha. Il-Quddiesa se ssir fl-4.30pm fil-Kappella tar-Residenza HillTop, fejn kienet taħdem l-aħħar.