Sport Sport Ieħor

Serena Williams għad-disa’ darba fis-semifinali tal-Open tal-Istati Uniti

(Ritratt: EPA)

Serena Williams għaddiet mill-akbar eżami sa issa fl-Open tal-Istati Uniti wara li għelbet lil Karolina Pliskova biex għaddiet għas-semifinali għad-disa’ darba konsekuttiva. Williams li hi s-sid numru 17, kellha tirkupra wara li tilfet l-ewwel set 4-2 iżda wieġbet biex rebħet iż-żewġ sets ta’ wara 6-4 u 6-3.

L-Amerikana ta’ 36 sena qed tfittex l-ewwel Grand Slam minn meta welldet lit-tifla tagħha Olympia sena ilu. Jekk tirbaħ dan il-Grand Slam ikun l-24 wieħed fil-karriera tagħha u tilħaq ir-rekord ta’ kull żmien tal-Awstraljana Margaret Court.

Għalkemm Williams, rebbieħa sitt darbiet tal-Open tal-Istati Uniti, waslet fis-semifinali fid-disa’ darbiet li lagħbet, hi kienet tilfet it-tournament fl-2010 minħabba li kienet imweġġa’ u s-sena l-oħra minħabba li kienet kważi welldet.

Hi qed tilgħab it-tmien tournament minn meta saret omm iżda f’din il-kompetizzjoni kienet tilfet biss set. Wara li tilfet kontra Angelique Kerber fil-finali ta’ Wimbledonm kien hemm dubji dwar kemm Williams se tmur tajjeb kontra tennista ta’ kalibru.

Williams tilgħab fis-semifinali kontra Anastasija Sevastova, li temmet it-tama ta’ Sloane Stephens li terġa’ tirbaħ dan il-Grand Slam għat-tieni sena konsekuttiva. L-Amerikana dehret tbati fiżikament fit-temperaturi għolja fi New York.

Stephens kellha 27 unforced errors u tilfet 6-2, 6-3 f’Arthur Ashe Stadium. Għal Sevastova din se tkun l-ewwel semifinali ta’ Grand Slam. Sevastova kienet irtirat fl-2013 minħabba diversi injuries u rritornat tliet snin ilu.