Futbol Sport

Silvio Vella jsejjaħ l-iskwadra finali għal kontra l-Belġju

It-tim Malti li beda kontra l-Iżvezja (Ritratt: Domenic Aquilina)

Il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena Silvio Vella sejjaħ skwadra ta’ 20 plejer għall-konfront kontra l-Belġju, logħba li se tintlagħab il-Ġimgħa fil-5.00pm. L-iskwadra tinkludi plejers bħal Jean Borg, Myles Beerman, Dunstan Vella, Jake Grech, Jurgen Degabriele u Kyrian Nwoko, plejers li fl-aħħar xhur kellhom esperjenzi mat-tim nazzjonali tal-kbar.

Dunstan Vella u Jake Grech saħansitra kienu fl-iskwadra proviżorja tat-tim nazzjonali iżda se jkunu qed jagħtu l-kontribut tagħhom mat-tim ta’ taħt il-21 sena għal din il-partita diffiċli kontra l-qawwa Belġjana.

Aħbar tajba għal Silvio Vella hi li d-difensur laterali Kurt Zammit jinsab fl-iskwadra wara li ma lagħbx fl-aħħar telfa kontra l-Iżvezja f’Ġunju li għadda filwaqt li Matthew Guillaumier, ukoll plejer ta’ Birkirkara, tilef ħafna mill-istaġun li għadda minħabba li kien imweġġa’ u hu mistenni li jkun regolari fil-formazzjoni ta’ Vella.

Fost il-plejers ġodda msejħa minn Vella hemm l-attakkant taċ-champions Għawdxin Victoria Hotspurs Christian Mercieca u l-midfielder ta’ Qormi Yannick Yankam. Magħżul ukoll hemm Jan Busuttil li kellu bidu pożittiv fil-Kampjonat Premier ma’ Pietà Hotspurs.

Wara din il-partita ż-żgħażagħ Maltin għandhom partita ta’ ħbiberija t-Tlieta li ġej kontra Georgia.

Skwadra finali

Gowlkipers: Jake Galea (Sliema Wanderers), Matthew Grech (Floriana)

Difensuri: Jean Borg (Valletta), Kurt Shaw (Sliema Wanderers), Karl Micallef (Ħamrun Spartans), Kurt Zammit (Birkirkara), Michele Sansone (Sliema Wanderers), Dunstan Vella (Hibernians)

Midfielders: Myles Beerman (Birkirkara), Matthew Guillaumier (Birkirkara), Nikolai Muscat (Gżira United), Yannick Yankam (Qormi), Zach Scerri (Gżira United), Dylan Agius (Pietà Hotspurs), Jake Grech (Birkirkara)

Attakkanti: Jurgen Degabriele (Hibernians), Zachary Brincat (Mosta), Jan Busuttil (Pietà Hotspurs), Kyrian Nwoko (Valletta), Christian Mercieca (Victoria Hotspurs)