Żewġ statistiċi ġodda maħruġa fl-istess ġurnata – waħda mill-Aġenzija Ewropea tal-Istatistika – il-Eurostat, u oħra mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika – l-NSO, jagħtu stampa xejn sabiħa għal dak li għandu x’jaqsam il-kummerċ bl-imnut u l-produzzjoni industrijali.
Dan hekk kif minn dawn iż-żewġ statistiċi, jirriżulta li kien reġistrat tnaqqis kemm fil-kummerċ bl-imnut kif ukoll fil-produzzjoni industrijali.
Dwar il-produzzjoni industrijali, il-Eurostat qal li f’Lulju ta’ din is-sena kien hemm tnaqqis ta’ 6% meta mqabbel max-xahar ta’ qabel. U kien hemm tnaqqis ta’ 6% wkoll anke meta Lulju kien imqabbel ma’ Lulju tas-sena li għaddiet.
L-indiċi tal-produzzjoni industrijali huwa meqjus bħala indikatur ewlieni tal-attività ekonomika fil-pajjiż peress li jistudja kemm tkun qed tiżviluppa l-ekonomija mil-lat ta’ produzzjoni.
Meta Lulju li għadda tqabbel max-xahar ta’ qabel, jirriżulta li kien hemm tnaqqis ta’ 12.8% fil-produzzjoni ta’ prodotti tal-konsumatur; tnaqqis ta’ 2.9% fil-produzzjoni ta’ prodotti kapitali u tnaqqis fil-produzzjoni tal-enerġija.
Meta Lulju li għadda tqabbel ma’ Lulju tas-sena li għaddiet, ħareġ li kien hemm tnaqqis ta’ 9.9% fil-produzzjoni ta’ prodotti tal-konsumatur; tnaqqis ta’ 6.8% fil-produzzjoni ta’ prodotti kapitali; u tnaqqis anke fil-produzzjoni tal-enerġija.
Imma kien hemm statistika oħra inkwetanti għal Malta, u dan meta l-Eurostat qalet li f’Malta kien hemm tnaqqis ta’ 2.6% fil-kummerċ bl-imnut meta wieħed iqabbel ix-xahar ta’ Lulju ta’ din is-sena max-xahar ta’ Lulju tas-sena li għaddiet.
It-tnaqqis fil-kummerċ bl-imnut kien tant qawwi li l-Eurostat kellha ssemmi lil Malta b’isimha bħala wieħed mill-iktar pajjiżi li fih kien reġistrat tnaqqis. Kuntrarjament, pajjiżi bħall-Polonja u l-Litwanja irreġistraw żieda.
//= $special ?>