F’intervista ma’ The Times of Malta, Yana Mintoff, tkellmet dwar il-kirjiet dejjem jogħlew f’pajjiżna, id-diffikultajiet ta’ ħajja dejjem togħla, l-ekonomija ibbażata fuq cheap labour, il-faqar u l-problemi li qed jiffaċċjaw dawk li jinsabu fil-faxex l-iktar baxxi.
Hija spjegat kif dawn il-problemi ma jiġux riflessi fi statistiċi għaliex l-istatistiċi jkunu bbażati fuq dħul medju u ma jieħdux in konsiderazzjoni dik il-faxxa tas-soċjeta li qed tgħix bi dħul baxx. Dan ifisser ukoll li l-iżbilanċ ma jiġix rifless fl-aġġustament li jingħata għall-għoli tal-ħajja.
Fl-intervista hija għamlet enfażi fuq il-problemi dejjem jiżdiedu ta’ housing bil-prezzijiet tal-bini u tal-kirjiet dejjem jogħlew. Hi qalet li dan qed iwassal għal żieda fil-faqar assolut.
Mintoff spjegat li familji b’ġenitur wieħed qed ibagħtu b’mod partikolari f’dan il-qasam.
Hi kompliet tgħid li l-qasam tal-housing f’pajjiżna mhu flessibbli xejn u li ħafna persuni qed ikollhom joħorġu minn djar f’postijiet bħal Bormla minħabba kirjiet li qed jgħolew b’rati allarmanti. Hi tkellmet fuq familji li qed ikollhom jinfirdu jew imorru jgħixu f’Għawdex jew qed jikkunsidraw jemigraw propju minħabhba din il-problema.
Mintoff tkellmet ukoll fuq l-effett ta’ ħaddiema barranin fuq is-suq tal-kiri u kif gruppi ta’ ħaddiema li jgħixu f’dar waħda jkunu jifilħu jħallsu l-prezzijiet għoljin mitlubin mentri familji Maltin bi dħul baxx jew medju qed isibu diffikulta biex ilaħħqu ma’ dawn il-prezzijiet. Dan qed jirriżulta f’iktar u iktar nies jgħixu f’garaxxijiet jew f’postijiet substandard. Hi semmiet stħarriġ li sar fil-Kottonera u li minnu ħareġ li minn total ta’ 190 persuni li pparteċipaw fl-istħarriġ, 88 minnhom qalu li qed jgħixu f’bini perikoluż.
Yana Mintoff stqarret id-diżappunt tagħha dwar in-nuqqas ta’ azzjoni minn naħa tal-gvern dwar il-housing. Hi qalet li issa qed tibda’ tittieħed azzjoni iżda li din l-azzjoni ġiet tard. Hi qalet li riżultat ta’ dan l-ittardjar minn naħa tal-gvern, is-sitwazzjoni ddeġenerat u ddeterjorat b’mod drastiku u li dan issarraf f’nies li spiċċaw bla saqaf fuq rashom u shelters mimlijin.
Mistoqsija dwar l-ekonomija, hi qalet li għalkemm din qed tikber, huwa mportanti li wieħed iħares lejn il-kundizzjonijiet tax-xogħol eżistenti. Mintoff qalet li l-ekonomja bbażata fuq cheap labour u xogħol prekarju u li dan mhux tajjeb għal ħaddiema, speċjalment meta tqis li hawn numru ta’ ħaddiema li qed jaqalgħu €4 jew inqas. Hi kompliet tgħid li d-diskrepanza bejn min jaqla ħafna u min jaqla ftit tista twassal għal rabja fost in-nies.
Hi temmet l-intervista billi qalet li l-aħħar kliem ta’ missierha kienu li kulħadd jistħaqqlu ħajja diċenti. Hi qalet li hu kien jemmen ħafna fl-ugwaljanza u l-ġustizzja u li dejjem ħass li kien id-dmir tiegħu li jaħdem f’dan is-sens biex jgħolli id-dinjita’ tal-ħaddiem.
//= $special ?>