Lokali

FILMAT: “L-Avukat Ġenerali qed jhedded id-demokrazija meta joħloq żbilanċ billi jikser il-Kostituzzjoni”

Il-Kap tal-PN Adrian Delia jitkellem dwar it-theddida għad-demokrazija mill-Avukat Ġenerali meta dan qed jagħżel li jikser il-Kostituzzjoni

“L-Avukat Ġenerali Peter Grech qed jhedded id-demokrazija meta jagħżel li jikser il-Kostituzzjoni billi joħloq żbilanċ politiku bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni biex jiffavorixxi lill-Prim Ministru Joseph Muscat.”

Iddikjara dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien qed jiġi intervistat f’edizzjoni tal-programm Iswed fuq l-Abjad preżentat minn Frank Psaila fuq Net Television.

L-intervista kienet iddominata mill-iżviluppi li seħħew fil-Qorti f’ġurisdizzjoni Kostituzzjonali stess meta kompliet tinstema’ l-kawża Kostituzzjonali miftuħa mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia wara li l-Avukat Ġenerali rrifjuta li jagħti lill-Oppożizzjoni kopja sħiħa tal-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja.

“L-Avukat Ġenerali qed jikser il-Kostituzzjoni u għaldaqstant qed joħloq żbilanċ politiku. Dan qed jhedded lid-demokrazija għax qegħdin fi stat fejn il-Gvern qed jingħata saħħa u awtorità iktar milli permess f’pajjiż normali u demokratiku,” qal Adrian Delia meta nnota li l-Avukat Ġenerali, minkejja li għandu rwol Kostituzzjonali, qed ikun hu stess li qed joħloq żbilanċ waqt li jwettaq attakk fuq id-drittijiet bażiċi u fundamentali tal-Oppożizzjoni.

“Hi tal-mistħija kif l-Avukat Ġenerali tilef kull sens ta’ qies u kejl u sempliċiment qiegħed hemm biex jiddefendi l-interessi tiegħu jew l-interessi tal-Prim Ministru u ta’ dawk ta’ madwaru,” żied jgħid.

Tul l-intervista, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista nnota kif waqt il-proċeduri fil-Qorti, l-Avukat Ġenerali rrimarka li l-kawżi ħafna drabi jinfetħu għal għajn il-gazzetti.

“Dan huwa diżrispett assolut lejn l-avukati li jipprattikaw il-professjoni tagħhom ta’ kuljum, lejn kull persuna li tmur il-Qorti biex tfittex id-drittijiet tagħha u diżrispett lejn l-istess Qorti meta f’awla miftuħa ddikjara li ħafna kawżi jsiru minħabba l-midja,” qal Adrian Delia meta nnota li hu tal-mistħija kif l-Avukat Ġenerali kien lest li jwaqqa’ u jċekken il-portata tal-kawżi li jinfetħu fil-Qrati Maltin bil-għan li tkun imħarsa l-ġustizzja.

Dwar il-konsegwenzi tal-fatt li l-Avukat Ġenerali qed jhedded id-demokrazija billi joħloq żbilanċ bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dan jimmarka d-differenza bejn li wieħed jgħix f’pajjiż liberu u f’pajjiż li mhuwiex liberu. “Fil-mument li l-Gvern jitneħħielu dak il-bilanċ li titlob il-liġi biex iżomm fil-parametri tad-demokrazija, il-Gvern jispiċċa f’pożizzjoni li jkun jista’ jagħmel li jrid,” qal Adrian Delia.

L-intervista mal-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista trattat ukoll numru ta’ suġġetti oħra, fosthom iż-żieda fil-kriminalità. Dwar dan, hu nnota li diversi ċittadini qed jispiċċaw priġunieri fil-lokalitajiet tagħhom u l-problema se tkompli tikber jekk l-intenzjoni tal-Gvern li jġib 70,000 barrani f’Malta tkun immaterjalizzata.

“Tlift il-kont ta’ stejjer dwar ġlied, ambulanzi u skieken,” qal Adrian Delia waqt li insista li l-kriminalità llum mhux talli għolliet rasha, iżda talli l-pajjiż spiċċa fi stat fejn ħadd m’għad għandu serħan tal-moħħ u trankwillità dwar it-toroq tal-pajjiż.

“Għad għandna s-serħan tal-moħħ li kien ikollna qabel? Għad għandna dik it-trankwillità li ngħixu siguri f’pajjiżna u fi djarna?” staqsa Adrian Delia.

“Għandna obbligu li ma naħlux dan iż-żmien fl-Oppożizzjoni. Irridu nkunu preparati biex f’lejliet l-elezzjoni nagħtu garanzija lin-nies li għal darb’oħra t-toroq tagħna jkunu sikuri u li għal darb’oħra nkunu nistgħu nimxu b’libertà fit-toroq tagħna,” qal Adrian Delia.

Dwar is-70,000 barrani li l-Gvern irid iġib f’Malta tul l-erba’ snin li ġejjin, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista staqsa jekk il-Gvern għandux pjan fit-tul dwar kif se jadatta l-pajjiż għal dan l-influss. Fost oħrajn, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista staqsa fejn se jkunu qed jgħixu dawn in-nies kollha peress li m’hemm l-ebda garanzija li dawn is-70,000 barrani se jkunu kapaċi jħallsu biex joqgħodu fil-blokok u t-torrijiet lussużi li qed jinbnew.

“Illum għandna sitwazzjoni fejn il-kirjiet għolew m’ogħla s-sema, fejn iż-żgħażagħ ma jistgħux jixtru jew jikru, fejn sar impossibbli li tieħu loan biex tixtri post, u fejn il-Maltin mhux qed jitħallew jikru l-postijiet biex minflok jidħlu fihom il-barranin,” innota Adrian Delia waqt li rrefera għal sitwazzjonijiet fejn appartamenti żgħar qed jimtlew bi gruppi sħaħ ta’ barranin li mhux talli ma jikrux post jew kamra weħidhom, talli qed jispiċċaw jikru sodda ġo post.

Meta kien qed jispjega l-viżjoni tiegħu għal pajjiżna, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li jrid li l-Partit Nazzjonalista jkun jista’ jagħti garanzija li, għal darb’oħra, uliedna jerġgħu jibdew jaraw futur f’pajjiżna u mhux isiefru barra minn Malta. “Irridu nagħtu garanzija lill-Maltin u Għawdxin li mhux biss inkejlu biċ-ċifri u n-numri tal-ekonomija, imma bil-kuntentizza, bl-għajxien aħjar, bit-trankwillità, bis-serħan tal-moħħ u bit-tama li għada se jkun aħjar mil-lum,” temm jgħid il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.