Futbol Sport

FUTBOL LOKALI – U21 MALTA V BELĠJU: Il-Maltin iridu jkunu konċentrati kontra avversarji qawwija

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena għada, fil-5 p.m., jikkonfronta lit-tim qawwi tal-Belġju fis-Centenary Stadium, meta l-kowċ, Silvio Vella, qed jinsisti dwar il-ħtieġa li l-plejers tiegħu jibqgħu konċentrati u biex huma, fuq kollox, jevitaw li jaqilgħu gowl kmieni kontra avversarji ta’ livell u kwalità superjuri.

Dan meta l-Belġjani – li għandhom l-istess punti daqs l-Iżvezja fil-quċċata ta’ Grupp 6 – qegħdin jittamaw f’rebħa bi skor kbir u meta huma, fil-preżent, għandhom differenza ta’ gowls inferjuri għall-Iżvediżi.

Il-Maltin spiċċaw isofru l-gowls fl-aħħar ħinijiet waqt l-aħħar żewġ impenji kompetittivi li huma tilfu, 2-4, mat-Turkija u 0-4 mal-Iżvezja. Sadanittant, kollox jindika li t-tim, għada, se jadotta tattiċi kawti għal kontra l-Belġjani filwaqt li jittama li l-attakk – li mistenni jibbaża fuq Kyrian Nwoko (Valletta) u Jan Busuttil (Pieta) – jirnexxilu jagħti wkoll xi mumenti diffiċli lid-difiża avversarja.

Min-naħa tiegħu, Silvio Vella jinsab kuntent bil-plejers li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu meta huma qegħdin juru livell ta’ żvilupp li jawgura tajjeb għall-ġejjieni. Dan meta l-progress ta’ uħud mill-plejers u l-ħidma tas-Settur għall-Iżvilupp taż-Żgħażagħ mal-FA ta’ Malta qed ikunu strumentali għall-promozzjoni ta’ plejers żgħażagħ għal mal-iskwadra nazzjonali tal-kbar.

It-tim Malti ta’ taħt il-21 sena ma kisibx punt mis-seba’ logħbiet li lagħab f’dan il-grupp iżda rnexxielu jsib ix-xibka ħames darbiet u fejn anki skorja kontra l-Belġju u t-Turkija (darbtejn) barra minn daru.