Il-klabb Portugiż ta’ Benfica, li l-prosekuturi lokali qegħdin jakkużaw b’korruzzjoni, insista li qed jiffaċċja allegazzjonijiet infondati — bid-diriġenti jimpenjaw ruħhom ħalli juru ‘mingħajr dubju’ li l-klabb famuż hu innoċenti mill-akkużi miġjuba kontra tiegħu.
Il-prosekuturi qed jgħidu li l-klabb ta’ Benfica ‘ipprova jitkixxef’ dwar rekords ġudizzjarji u f’każ li l-qorti tiddeċiedi li dan hu minnu, il-kodiċi penali fil-Portugall tesiġi biex il-klabb jispiċċa sospiż mil-logħob kompetittiv għal bejn sitt xhur u tliet snin.
F’każ li l-amministraturi tal-klabb jinsabu ħatja tal-akkuża, Benfica kapaċi jitilfu wkoll is-sussidji pubbliċi minbarra li jiffaċċjaw sanzjonijiet oħrajn.
Il-President ta’ Benfica, Luis Filipe Vieira, sadanittant, qed jinsisti li l-klabb se jiddefendi r-reputazzjoni tiegħu ‘b’mod li ma jippermettix għall-kompromessi’. Hu saħaq li l-akkuża ma fihix ‘imqar fatt wieħed jew provi skont iċ-ċirkustanzi li jistgħu jimplikaw lill-Benfica’.
Vieira kompla li hu u d-diriġenti sħabu ‘huma ċerti b’mod assolut li l-aġir tal-klabb qatt ma qabeż il-limiti ta’ dak li hu legali u esprima fiduċja li ‘l-istituzzjonijiet għandhom jikkonfermaw dan waqt li jneħħu kull allegazzjoni li tista’ ittappan l-isem ta’ Benfica’.
Il-President ta’ Benfica kien issemma formalment bħala suspettat f’investigazzjoni dwar il-korruzzjoni li saret aktar kmieni din is-sena. L-investigazzjoni partiklari, madankollu, mhix relatata għall-klabb minn Lisbona.
Il-prosekuturi, fil-bidu tal-ġimgħa, akkużaw lil Benfica SAD – il-klabb sportiv li jinkludi l-aktar tim tal-futbol li għamel suċċess fil-Portugall – flimkien mal-konsulent legali tal-klabb u żewġ impjegati ġudizzjarji, b’lista twila ta’ abbużi, fosthom korruzzjoni u ‘aġir kontra l-kunċett u ħarsien tal-element tas-segretezza fil-ġustizzja’.
Qed ikun allegat li d-diriġenti ta’ Benfica pjanaw biex jinfiltraw is-sistema elettronika tal-ġudikatura għaż-żamma tar-rekords, bil-għan li huma jiksbu informazzjoni dwar diversi investigazzjonijiet, tul dawn l-aħħar sentejn, li jinvolvu lill-klabb tagħhom kif ukoll lill-klabbs rivali (Portugiżi) ta’ Porto u Sporting Lisbon.
//= $special ?>