Ambjent Lokali

Ikompli l-massakru tat-tqaċċit tas-siġar – din id-darba f’Ta’ Qali

Il-massakru tat-tqaċċit tas-siġar ikompli, din id-darba fil-Crafts Village ġewwa Ta’ Qali.

Bħalissa f’Ta’ Qali għaddejjin diversi xgħolijiet biex jiġi rinovat. Pero f’dan il-proġett jidher li mhemmx spazju għas-siġar dan minħabba li ħafna mis-siġar li kieu jinsabu f’din il-parti ta’ Ta’ Qali qed jiġu maqlugħin. Dawn is-siġar, uħud minnhom siġar tal-palm siġar tal-fjuri tal-olendru ilhom hemm għal diversi snin, ħafna qabel inbena dan il-post.

Kienu diversi nies li fuq il-midja soċjali esprimew id-diżappunt tagħhom għal dak li qed iseħħ. Bosta kritikaw it-tneħħija ta’ dawn is-siġar u sostnew li sfortunatament f’dan il-pajjiż ħadd m’għadu jagħti każ l-ambjent. Persuna partikolari saħqet li d-disinn il-ġdid ta’ dan il-Crafts Village seta’ sar madwar dawn is-siġar u għalhekk ma kienx ikun hemm bżonn li dawn jitneħħew. Il-massakru tal-ftit siġar li hawn f’Malta ma jistax jibqa’ jseħħ qisu xejn mhu xejn.

Din hija l-aħħar minn sensiela ta’ każi ta’ tqaċċit ta’ siġar ġewwa pajjiżna. Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena biss, inqalgħu mal-500 siġra minn diversi lokalitajiet. Iż-żoni milquta minn tqaċċit ta’ siġar s’issa din is-sena jinkludu diversi lokalitajiet fosthom Santa Luċija, Ħal Balzan, il-Kappara, il-Marsa, il-Mellieħa, in-Naxxar, il-Belt Valletta u r-Rabat, Għawdex.