Il-Kunsillieri Nazzjonalisti Charles Bonello u Mark Lombardo fi stqarrija ddeploraw l-aġir tas-Sindku u s-Segretarju Eżekuttiv fil-kapaċità tagħha ta’ Kap Amministrattiv talli għall-attività li seħħet fl-Uffiċċji l-ġodda tal-Kunsill Lokali tal-Fgura, la ġew infurmati b’din l-attività u lanqas ma ntalbu li jkunu preżenti. Għal din l-attività kienu mistednin Ministru u żewġ Segretarji Parlamentari kif ukoll mistednin distinti oħrajn.
Din ma kienetx l-ewwel okkażjoni fejn kemm iż-żewġ kunsillieri Nazzjonalisti kif ukoll kunsillieri oħrajn ma kienux infurmati b’attivitajiet jew żjarat li saru f’dan l-uffiċċju l-ġdid, li għadu mhux inawgurat uffiċċjalment. Din l-attività kienet motività b’mod politiku u b’mod żbilanċjat mis-Sindku u s-Segretarja Eżekuttiva, li filwaqt li kien preżenti is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali, li ma kellu x’jaqsam xejn mal-iskop tal-attività, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali Robert Cutajar ġie wkoll eskluż milli jkunu preżenti.
Il-Kunsillieri Nazzjonalisti tal-Fgura qed jitlobu li immedjament għandha tieqaf din id-diskriminazzjoni bejn il-Kunsillieri, u li l-Kunsillieri kollha gejjin mil-liema Partit ġejjin għandhom jiġu rispettati u stmati kollha l-istess. Dan għandu jsir b’rispett sħiħ lejn ir-residenti kollha tal-Fgura li eleġġew lid-disa’ kunsillieri li jiffurmaw il-Kunsill Lokali.
Il-Kunsillieri Nazzjonalisti jisħqu li huma dejjem kienu hemm sabiex jikkoperaw kemm mas-Sindku, mas-Segretarja kif ukoll mal-Kunsill kollu għall-ahjar ġid tal-lokalità tal-Fgura u r-residenti. Huma jappellaw lill-Amministrazzjoni tal-Kunsill sabiex dan iċ-Ċentru jservi bħala punt ta’ aktar għaqda u mhux ta’ għażliet arbitrarji u inġusti fost il-Kunsillieri li jwasslu biss għal firdiet bla bżonn.
//= $special ?>