Għawdex Lokali

Materjal illegali jispiċċa fis-sistema tad-drenaġġ f’Għawdex

Ammont sostanzjali ta’ drenaġġ mhux domestiku spiċċa fis-sistema tad-drenaġġ f’Għawdex. Dan qalitu l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fi stqarrija fejn ikkundannat dan l-att illegali.

Il-Korporazzjoni qalet li dan id-dregaġġ tossiku daħal fl-impjant ta’ Ras il-Ħobż li immarka waqa’ drastika fil-livelli tal-ossiġnu.

Għadu mhux magħruf minn fejn oriġina l-materjal tossiku, iżda l-Korporazzjoni permezz tad-Discharge Permit Unit qed tinvestiga. Il-pulizija hija mgħarrfa bil-każ.

Ir-rimi ta’ materjal tossiku fis-sistema tad-dregaġġ huwa llegali u jista’ jikkawża problemi fis-sistema.

Id-drenaġġ li jidhol fis-sistema ta’ Ras il-Ħobż jiġi ttrattat u mbagħad jgħaddi minn impjant ta’ ‘polishing’ li jipproċessah u joħroġ minnu ilma li jintuża mill-bdiewa għat-tisqija. Dan il-proċess kellu jitwaqqaf għal diversi sigħat minħabba t-tniġġiz mill-materjal mormi. Dan il-proċess issa reġa lura għan-normal.

Kelliema għall-Korporazzjoni qal lil Netnews li l-kumpanija qegħda kontinwament tiġbed l-attenzjoni tal-pubbliku dwar l-użu korrett tas-sistema tad-drenaġġ. Fost l-oħrajn qalilna li r-rimi ta’ żejt tat-tisjir fis-sistema tad-drenaġġ tad-dar jagħmel ħafna ħsara hekk kif dan iż-żejt meta jimxi fis-sistema jgħaqad u jista jikkawża sadd.

Problema oħra li semma hija l-fatt li numru ta’ binjiet għandhom is-sistema tad-drenaġġ tal-ilma tax-xita li hija mqabbda mad-drenaġġ domestiku minflok ma għandu sistema separata kif mitlub mil-liġi. Dan ifisser li meta tinżel ammont ta’ xita, is-sistema tad-drenaġġ ma tlaħħaqx mal-influss tal-ilma u tista tikkawża lis-sistema tad-drenaġġ li tfur.