It-tennista Serb, Novak Djokovic għadda għas-semi-finali tal-Open tal-Istati Uniti b’rebħa fuq l-avversarju Awstraljan, John Millman.
Kien l-istess Millman (li issa tela fit-37 post tar-rankings dinjija) li wettaq is-sorpriża tat-tournament wara li elimina lill-veteran, Roger Federer, iżda kellu jsib lil Djokovic fl-aqwa forma tiegħu — bis-Serb jieħu r-raġun fi straight sets, li ntemmu 6-3,6-4 u 6-4.
Novak Djokovic – għal darbtejn champion fi Flushing Meadows – b’hekk irnexxielu jirbaħ il-11 il-logħbiet kollha tal-kwarti-finali li hu lagħab fi New York u fejn se jikkonfronta lill-Ġappuniż, Kei Nishikori, fis-semi-finali ta’ għada.
Is-Serb kien tilef it-tournament tal-2017 minħabba injury f’dirgħajh iżda din is-sena hu żamm ir-rekord impekkabbli fil-kompetizzjoni fejn irnexxielu jispiċċa dejjem mal-aħħar erba’, mill-2007 ‘il hawn.
Min-naħa tiegħu, Millman offra reżistenza qawwija lil Djokovic u kellu wkoll il-mumenti tiegħu fl-Arthur Asher Stadium. Iżda fl-aħħarnett hu kellu jbaxxi rasu għas-superjorità tas-Serb anki jekk tal-aħħar falla diversi drabi milli jikkonverti l-break points f’kundizzjonijiet ta’ sħana kbira.
Djokovic irnexxielu jasal sal-finali ta’ dan it-tournament f’seba’ okkażjonijiet tul l-aħħar ħdax il-sena u jekk jegħelb lil Nishikori, hu għandu jilħaq ir-rekord ta’ Pete Sampras u Ivan Lendl li, fil-karrieri rispettivi, lagħbu tmien darbiet fil-finali ta’ Flushing Meadows.
//= $special ?>