Internazzjonali

Twissi li l-kumpanni taż-żejt qed illestu biex jitilqu

Il-Kumpanija Nazzjonali taż-Żejt Libjan (NOC) wissiet li wara l-ġlied li kien hemm tul din l-aħħar ġimgħa madwar Tripli, diversi kumpaniji taż-żejt barranin qed jikkunsidraw serjament li jitilqu mill-pajjiż.

Khaled Abu Khutwa, ir-responsabbli għas-sigurtà tan-NOC, qal li diġà bħala prekawzjoni minħabba l-ġlied li kien hemm xi wħud minn dawn il-kumpaniji kienu naqsu l-impjegati fil-Libja. Hu wissa li jekk dawn il-kumpaniji jitilqu, kien se jkun diffiċli ħafna li wieħed jikkonvinċi lil kumpaniji barranin jirritornaw lura l-Libja.

Khutwa qal li l-ġlied ta’ dawn l-aħħar ġranet madwar il-kapitali Tripli kienu kkawżaw telf kbir u l-ħsara li hemm ma’ bir tad-diesel tul it-Triq tal-Ajruport kienet għalja biex tissewwa u kien hemm ammont kbir ta’ fuel li kien qed inixxi minnu.
In-Nazzjonijiet Uniti din il-ġimgħa negozjat waqfien mill-ġlied fi Tripli imma hemm biża’ li dan jista’ jikkrolla minn ħin għall-ieħor.