Ewropa Lokali Saħħa Unjoni Ewropea

Zammit Dimech jinsisti għal postijiet tax-xogħol mingħajr riskji tal-kanċer

“Il-kanċer huwa l-kawża ewlenija ta’ mwiet marbuta max-xogħol fl-UE. Hu proprju għalhekk li qed naħdem biex niżgura li l-postijiet tax-xogħol ikunu siguri minn aktar sustanzi li jinstabu li qed jikkawżaw il-kanċer.” L-MEP Zammit Dimech għamel dawn ir-rimarki waqt laqgħa tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali fil-Parlament Ewropew fi Brussell. Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet biex tissaħħaħ direttiva dwar il-prevenzjoni tal-ħaddiema mir-riskji relatati mal-esponiment għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol.

Zammit Dimech, li huwa r-Rapporteur tal-Grupp tal-PPE dwar id-direttiva proposta, qal “F’Malta biss għandna kważi 2,000 każ ġdid ta’ kanċer fis-sena u madwar 900 mewt annwali. Irridu niġġieldu l-kanċer ukoll fuq il-post tax-xogħol, il-post fejn in-nies iqattgħu sigħat twal kull ġimgħa, u xi wħud minnhom ikun it-tieni dar tagħhom.” Huwa tenna l-appell tal-Grupp tal-PPE għall-adozzjoni kemm jista’ jkun malajr tal-proposta fl-aħjar interess tal-ħaddiema.

L-UE diġà għandha esponiment limitat tal-ħaddiema għal 21 sustanza li kkawżaw il-kanċer fix-xhur li għaddew, u għaddejjin diskussjonijiet biex jiġu stabbiliti limiti ta’ espożizzjoni ġodda għal 5 sustanzi oħra li jikkawżaw il-kanċer. Dawn huma l-kadmju u l-komposti inorganiċi tiegħu, il-berillju u l-komposti inorganiċi tiegħu, l-aċidu arseniku u l-melħ tiegħu, kif ukoll komposti arseniċi inorganiċi, formaldehyde u 4,4′-methylene-bis (2-chloroaniline). Zammit Dimech spjega li l-kimiċi in kwistjoni mhux biss jikkawżaw il-kanċer iżda wkoll iwasslu għal problemi oħra ta’ saħħa li jinkludu mard respiratorju u tħarbit newroloġiċi. Dawn il-kimiċi jintużaw f’diversi postijiet tax-xogħol inklużi laboratorji, elettroniċi, kostruzzjoni, kura tas-saħħa, plastik, ħġieġ u ġestjoni tal-iskart fost oħrajn, u għalhekk dan il-pass jevita riskji għal eluf ta’ ħaddiema. Huwa stmat li dan il-pass jevita aktar minn 22,000 każ ta’ mard relatat max-xogħol madwar l-UE u ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol għal aktar minn miljun ħaddiem tal-UE.

Filwaqt li dawn il-miżuri huma pożittivi għas-saħħa tal-ħaddiema, il-proposta kif suġġerita wara konsultazzjoni wiesgħa ma’ xjentisti, organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem, mhux se twassal għal piż amministrattiv fuq min iħaddem, li għalhekk jista’ jippjana biżżejjed minn qabel il-bidliet proposti bl-ispejjeż limitati .

Zammit Dimech wiegħed li jagħmel il-ġlieda kontra l-kanċer bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin tiegħu fix-xogħol tiegħu. Bħala membru tal-‘Grupp ta’ MEPs Kontra l-Kanċer’ huwa qed jinsisti għal aktar fondi għar-riċerka dwar il-kanċer. Huwa qed jaħdem ukoll mill-qrib mal-organizzazzjonijiet Maltin u l-Assoċjazzjoni tal-Leagues Ewropej tal-Kanċer biex ikompli jfassal il-politika tal-UE dwar il-kanċer.

FILMAT: Zammit Dimech jaħdem ma’ organizzazzjonijiet lokali biex il-ġlieda kontra l-kanċer tkun prijorità Ewropea