Il-kumment tal-Avukat Ġenerali dwar il-kawża miftuħa mill-Kap tal-Oppożizzjoni biex jingħata kopja tar-Rapport kollu tal-Maġistrat Aaron Bugeja kien wieħed li juri nuqqas ta’ rispett lejn numru ta’ istituzzjonijiet.
Dan meta l-Avukat Ġenerali kien qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni fetaħ il-Kawża Kostituzzjonali għal skop ta media.
Dan qaluh Errol Cutajar u Janice Chetuti, żewġ Avukati oħra li fil-jiem li għaddew kienu mal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u li ma’ In-Nazzjon esprimew id-diżappunt tagħhom għal dak li ntqal.
Għal Errol Cutajar, il-kumment tal-Avukat Ġenerali wera nuqqas ta’ rispett lejn l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali nnfsu, lejn l-Avukati u dawk li jkollhom bżonn is-servizzi tal-Qrati, kif ukoll kontra dawk li jaħdmu fil-qasam tal-media.
Filwaqt li qal li nħasad b’dak li sema’ fl-Awla tal-Qorti, Errol Cutajar appella għall-prudenza ħalli ħadd ma jweġġa’ minn kliem li jista’ jagħmel aktar ħsara milli ġid.
Min-naħa tagħha, Janice Chetcuti spjegat li din il-kawża kellha tinfetaħ biex tkun osservata l-ugwaljanza bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni.
Hi qalet li x-xieda tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kienet waħda qawwija u importanti għax tenfasizza l-ħtieġa li l-verità toħroġ fl-intier tagħha.
Janice Chetcuti sostniet il-bżonn li ngħixu f’pajjiż ħieles u demokratiku, li jagħti d-dritt lil kulħadd isemma’ leħnu.
Dwar din id-dikjarazzjoni tal-Avukat Ġenerali, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li hu ta’ diżrispett li l-Avukat Ġenerali jgħaddi kumenti ta’ dan it-tip dwar ix-xogħol tal-Qorti, partikolarment dwar kawża ta’ ksur ta’ dritt Kostituzzjonali.
Adrian Delia qal li hu beħsiebu jibqa jissielet għax din hi ġlieda għal-libertà tal-espressjoni u d-demokrazija.
//= $special ?>