Rapport: Keane Cutajar
MALTA………………… 0
BELĠJU……………….. 4
Malta: J. Galea, J. Borg, K. Zammit, K. Micallef, D. Vella, M. Guillaumier (Z. Scerri 59’), J. Grech, K. Nwoko, J. Degabriele, M. Beerman (D. Agius 86’), K. Shaw (M. Sansone 74’)
Belġju: N. Jackers, D. Cools, Z. Vanheusden, W. Faes, S. Bastien (A. De Sart 64’), I. Mbenza, N. Dimata (A. Leya Iseka 64’), S. Schrijvers, D. Lukebakio (A. Saelmaekers 81’), C. De Norre, J. Vanlerberghe
Imwissi: J. Degabriele 55’ (M)
Skorjaw: N. Dimata 11’, S. Schrijvers 18’, D. Lukebakio 59’, A. Leya Iseka 69’ (B)
Referee: Roomer Tarajev (Estonja)
Assistenti Referees: Neeme Neemlaid, E. Pajustik (Estonja)
Fit-tmien partita minn Grupp 6 tar-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew ta’ taħt il-21 sena. Malta sfat megħluba 4-0 mill-Belġju li ddominaw il-partita fil-maġġor parti tagħha. B’din ir-rebħa l-Belġju baqgħu waħedhom fil-quċċata tal-grupp b’20 punt filwaqt li t-tim Malti baqa’ fl-aħħar post mingħajr punt.
L-ewwel azzjoni tal-partita waslet wara minuta logħob meta minn pożizzjoni angolata minn barra l-kaxxa, Jurgen Degabriele ttanta xortih bix-xutt tiegħu jkun ċentrali b’Nordin Jackers salva f’żewġ tentattivi.
Jake Galea salva lit-tim Malti darbtejn f’temp ta’ ftit minuti fir-raba’ u fis-sitt minuta, l-ewwel, kien veloċi mil-linja tal-lasta biex salva x-xutt ta’ Dudi Lukebakio u wara b’save sabiħ fuq id-daqqa ta’ ras ta’ Nany Dimata. Galea reġa’ kien stupend minuta wara meta tar minn tulu biex dawwar f’korner ix-xutt minn barra l-kaxxa ta’ Lukebakio.
Fl-għaxar minuta, il-gowlkiper Malti reġa’ kien tajjeb dawwar f’korner ix-xutt minn barra l-kaxxa ta’ Isaac Mbenza. Mill-istess korner, il-pressjoni tal-Belġju sarrfet f’gowl meta DIMATA laħaq qabel kulħadd u tefa’ fix-xibka.
Il-Belġju rebħu korner ieħor fit-18-il minuta wara save ieħor brillanti ta’ Galea, korner li minnu rduppjaw l-iskor. Id-difiża Maltija naqset milli tbiegħed il-periklu u l-captain Siebe SCHRIJVERS sab ruħu f’pożizzjoni komda biex skorja.
LUKEBAKIO trippla l-iskor fid-59 minuta wara li seraq il-ballun minn fuq Kurt Shaw minn mal-limiti tal-kaxxa l-kbira u waħdu quddiem Galea ma żbaljax.
Fis-67 minuta, il-Maltin ingħataw free-kick minn barra l-kaxxa wara li twaqqa’ Degabriele iżda mill-free-kick il-captain Jake Grech ixxutja għoli. Fid-69 minuta kompla jikber l-iskor meta s-sostitut Aaron LEYA ISEKA kien żmarkat tajjeb u laħaq qabel Galea biex tefa’ f’lasta vojta, ħames minuti biss wara li daħal jilgħab.
Għaxar minuti wara, Degabriele reġa’ għamel simili ta’ li għamel fl-ewwel taqsima meta għal darba oħra ttanta xortih minn barra l-kaxxa, xutt li Jackers reġa’ ma żammx, b’Dunstan Vella jkun żvinturat li ma laħaqx qabel il-gowlkiper Belġjan li kien pront nxteħet fuq il-ballun.
Fit-80 minuta Mbenza kien żvinturat li ma niżżilx ismu fost l-iskorers bix-xutt tiegħu jistampa mal-lasta. Ftit wara, Leya Iseka forsi seta’ għamel aħjar minn quddiem il-gowlkiper Malti iżda dam jaħsiba u sab lil Galea attent li għalaq l-anglu b’mod tajjeb. Fit-88 minuta azzjoni personali ta’ Vella waslitu waħdu, wiċċ imb wiċċ man-numru wieħed tal-Belġju, li minn naħa tiegħu mblokka dak li seta’ kien l-uniku gowl għal Malta.
//= $special ?>