Aktar kritika għall-mod kif il-Gvern qed jgħaddi gaffa dwar ix-xogħol li qed isir fi Triq tal-Balal meta dan beda u kważi lesta x-xogħlijiet minkejja li għad m’għandux il-permessi neċessarji.
F’sottomissjoni li l-Kurja għamlet mal-Awtorità tal-Ippjanar, il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent qalet li l-mod kif qed jaġixxi l-Gvern f’dan il-każ jikkonferma d-disprezz li l-istess Gvern għandu lejn il-proċessi tal-ippjanar.
Is-sottomissjoni saret għar-rigward ta’ applikazzjoni biex l-awtoritajiet jitħallew iżidu żewġ karreġġjati ġodda fi Triq tal-Balal.
Ftit tal-jiem ilu kien żvelat li x-xogħlijiet tat-twessiegħ tat-Triq tal-Balal, it-triq li tagħti minn Naxxar sa San Ġwann, mhux biss se jkollha t-tielet karreġġjata mingħajr permess – iżda issa żdiedet ukoll ir-raba’ karreġġjata.
B’hekk din il-karreġġjata oħra se twassal minn tnaqqir ta’ art privata bl-espropjazzjoni minn naħa tal-Gvern.
Dawn ix-xogħlijiet, li tħabbru fil-bidu ta’ Awwissu mill-Ministru Ian Borg, sar meqjus bħala wieħed kontorversjali hekk kif ix-xogħol fuqu beda mingħajr ebda permess ma kien għadu nħareġ.
Normalment xogħol fit-toroq ma jkunux iridu permess mill-Awtorità tal-Ippjanar jekk it-triq tkun se tibqa’ l-istess qies kif kienet qabel. Madanakollu f’dan il-proġett tat-Triq tal-Balal, peress li hemm bżonn li tittieħed art privata fil-madwar, il-permess hu neċessarju skont il-liġi biex jibda x-xogħol.
Minkejja li ma ħarġux permessi skont il-liġi, il-Gvern għadda gaffa minn fuq art agrikola; minn fuq ħitan tas-sejjieħ; u neħħa siġar bl-addoċċ. Ix-xogħol kollu se jfisser telf ta’ 9,000 metru kwadru ta’ art.
Dwar dan kollu, il-Partit Nazzjonalista kien qal li bżonjuż kemm hu bżonjuż, l-aġir tal-Gvern li ppjana, beda u kważi lesta x-xogħol mingħajr ma applika għall-permessi meħtieġa skont il-liġi huwa kundannabbli u hija konferma ta’ kemm dan il-Gvern jemmen li hu ‘l fuq mil-liġi.
//= $special ?>