Il-Bicycle Advocacy Group se tkun qed tissottometti, formalment, oġġezzjoni lill-Awtorità tal-Ippjanar dwar il-proġett Central Link wara li sal-lum, il-grupp favur l-użu sikur tar-roti baqa’ ma rċieva l-ebda risposta dwar jekk il-proġett hux se jkun jinkludi netwerk bażiku u sikur b’ħoloq kruċjali għal min juża r-roti.
Il-Bicycle Advocacy Group (BAG) qal li ilu għal dawn l-aħħar xahrejn f’diskussjonijiet mad-disinjaturi responsabbli mill-proġett tas-Central Link, fejn ippropona diversi ħoloq li jrendu l-użu tar-rota alternattiva iktar attraenti għal min jgħaddi minn, jew joqgħod Ħ’Attard.
Imma minkejja li ġew introdotti iktar karreġġjati anke wara li l-grupp kien ġibed l-attenzjoni dwar dan in-nuqqas f’Mejju li għadda, il-Bicycle Advocacy Group għadu nkwetat li l-ħoloq għal din il-karreġjata tar-rot mhumiex kompluti, u għalhekk mhumiex sikuri għal min potenzjalment juża’ r-rota.
Il-Grupp qal li karreġjati tar-roti li ma jkomplux jinsabu f’dak li hemm propost mar-roundabout tal-MFSA, mal-junction ta’ San Anton, Triq Ħal Warda sa Ħaż-Żebbuġ, ir-roundabout tal-PitStop u l-junction ta’ Ta’ Qali u r-roundabout tar-Rabat.
Il-Grupp żied li wara li Infrastruttura Malta ssottomettiet pjanijiet ġodda lill-Awtorità tal-Ippjanar f’Lulju li għadda, in-nuqqas ta’ netwerk bażiku għar-roti għadu qed jippersisti, bil-Grupp jisħaq li kull infrastruttura għar-roti għandha tkun dejem diretta u aċċessibli b’mod sikur kemm jista’ jkun.
Il-Bicycle Advocacy Group saħaq li repetutament kien f’kuntatt mal-awtoritajiet konċernati matul dawn l-aħħar ġimgħat biex jiżgura li n-netwerk bażiku propost għar-roti jiġi inkluż fil-pjanijiet il-ġodda, imma madanakollu ma rċevewx konferma li dan se jsir u għal dn ir-raġuni, il-Grupp se jkollu jagħmel sottomissjoni formali quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar.
//= $special ?>