Lokali

Jibda jintrama’ l-villaġġ tal-Festi tal-Indipendenza fuq il-Fosos

“Is-sinjifikat tal-Indipendenza ta’ Malta, ikompli jikber jekk nagħmlu minn Malta soċjetà li jimpurtaha.”, hekk qal is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli meta żar il-Fosos tal-Floriana fejn bdew l-ewwel xogħlijiet biex jintrama’ l-villaġġ tal-Indipendenza. Huwa ħeġġeġ lill-poplu Malti kollu biex jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet importanti li jagħmlu minn Malta nazzjon stat sovran.

Clyde Puli ltaqa’ u tkellem mal-ammont sabiħ ta’ ħaddiema u volontiera li jinsabu fuq il-Fosos u li bdew ix-xogħlijiet tal-armar u tiżjin għall-Festi tal-Indipendenza għal din is-sena. Il-festi fuq il-Fosos se jibdew mis-Sibt 15 u jibqgħu għaddejjin kuljum sal-Ħamis 20 ta’ Settembru li ġej. It-tema għal din is-sena se tkun Soċjetà li Jimpurtaha u l-qofol tal-festi se jkun il-mass meeting li se jkun indirizzat mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fl-20 ta’ Settembru.

Matul din l-edizzjoni tal-festi tal-Indipendenza se jkun hemm programm varjat ta’ diveriment fuq il-Fosos, li jinkludi fost l-oħrajn mużika minn tribute bands tal-Queen u Coldplay. Dawn it-tribute bands Killer Queen u Live Play se jkunu qed idoqqu fuq il-Fosos is-Sibt 15 ta’ Settembru u l-Ħadd 16 ta’ Settembru rispettivament. Fuq il-Fosos se jittellgħu wkoll il-Konkors Kanzunetta Indipendenza u l-edizzjoni Junior ta’ da nil-festival. Dan apparti Teen Party għaż-żgħażagħ flimkien ma’ DJ Nate VF u ammont sostanzjali ta’ attivitajiet sportivi mtella’ minn TIMSport PN.

Is-Segretarju Ġenerali spjega kif il-Partit Nazzjonalista għażel din it-tema għax irid soċjetà li tkun ibbażżata fuq ħames pilastri. Dawn huma, l-ħarsien tal-ħajja, l-għajxien diċenti għal kulħadd, l-wens għal dawk f’qagħdiet dgħajfin, il-kwalità tal-ħajja u l-identità tagħna bħala Maltin u Għawdxin.

Matul din iż-żjara, s-Segretarju Ġenerali Clyde Puli kien akkumpanjat mill-President tal-Kunsill Amministrattiv David Stellini u l-Kordinatur Politiku tal-partit Jean Pierre Debono.