Meta nkunu qed niċċelebraw il-Festi tal-Indipendenza, inkunu qed infakkru t-twelid tal-pajjiż. U għalhekk, l-Indipendenza għandha titfakkar bħala l-Ġurnata Nazzjonali ta’ pajjiżna għax la hu Jum it-Twelid, dan għandu jġib miegħu għaqda biss.
Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt laqgħa mal-Attivisti tal-Partit, ftit jiem qabel ma jibdew il-Festi organizzati mill-Partit Nazzjonalista fuq il-Fosos biex jitfakkar l-54 anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza.
Adrian Delia qal li l-Festi ta’ din is-sena huma l-bidu tat-triq politika li se twassal sa Mejju tas-sena li ġejja, meta l-poplu se jkun qed jagħżel is-sitt Membri Parlamentari Ewropej u l-Kunsilliera Lokali fil-Kunsilli kollha ta’ Malta u Għawdex.
Appella għal aktar impenn mill-Attivisti tal-Partit, fost l-oħrajn b’metodi ġodda kif aktar nies jinġibdu lejn il-Partit Nazzjonalista. B’hekk, l-Attivisti għandhom iżommu f’moħħhom li dak li qed jagħmlu, qed jagħmlu għal Malta.
Adrian Delia tenna l-kuraġġ u t-tama tiegħu li flimkien naslu, minkejja t-telgħa iebsa li l-Partit qed iħabbat wiċċu magħha.
L-Attivisti preżenti kienu ndirizzati wkoll mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Clyde Puli u mill-Kordinatur Politiku Jean Pierre Debono, li spjegaw kif fit-12-il xahar li għadda, kien hemm 1,700 Tesserat ġdid, filwaqt li t-Tessera għas-sena 2018/2019 se tkun imnedija fil-jiem li ġejjin.
//= $special ?>