Internazzjonali

L-Alġerija tgħid li l-kolera taħt kontroll

Il-Gvern Alġerin qal li għandu l-marda tal-kolera taħt kontroll. Dan wara li f’dawn l-aħħar ġranet kien hemm aktar minn 50 każ ta’ nies infettati u kien hemm ukoll żewġ persuni li mietu minħabba fiha.

Din kienet l-ewwel darba f’22 sena li fl-Alġerija feġġet il-kolera. Il-marda kienet konċentrata f’ Boufarik, 20 kilometru mill-kapitali Alġeri. Is-sors tal-kolera kien lokalizzat fix-Xmara Beni Azza fil-provinċja ta’ Blida u bħala konsegwenza ta’ dan il-President Abdelaziz Bouteflika keċċa l-Gvernatur ta’ Bilda talli ma ħax il-miżuri adattati biex ikun evitat li tfaqqa’ l-kolera.

L-awtoritajiet Alġerini qed jgħidu li għal dawn l-aħħar tlett ijiem ma kienu rappurtati ebda każi ġodda.
Din il-ġimgħa kien hemm allert fi Franza wara li kien hemm suspetti li abbord ajruplan li niżel fl-ajruport ta’ Perpignan mill-Alġerija kien hemm tifel Alġerin bil-kolera.

Wara t-tobba stabbilew li ma kellux il-kolera u l-passiġġieri abbord tħallew jinżlu imma kellhom jiddisinfettaw idejhom u kellhom jimlew formola biex l-awtoritajiet ikunu jafu fejn se jkunu fi Franza. L-ajruplan, tal-ASL Airlines, intbagħat lura l-Alġerija vojt biex ikun disinfettat.