Lokali Saħħa

L-isptar t’Għawdex mingħajr ‘diabetic nurse’

L-MEP Francis Zammit Dimech jappella biex din tiġi ngaġġata minnufih

L-MEP Francis Zammit Dimech appella lill-Gvern biex b’mod immedjat jgħaddi mill-kliem għall-fatti u jingaġġa ‘diabetic nurse’ fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Id-‘diabetic nurse’ hija infermiera speċjalizzata fil-qasam tad-dijabete, u bl-inċidenza għolja ta’ nies ibatu mid-dijabete f’Malta u Għawdex, l-irwol ta’ infermiera speċjalizzata f’dan il-qasam huwa meħtieġ aktar minn qatt qabel.

F’filmat li xxandar fuq Facebook, l-MEP Zammit Dimech qal li jinsab infurmat li l-Gvern kien ippubblika sejħa f’Mejju li għadda għal ‘diabetic nurse’ u r-riżultat ħareġ f’Awwissu.

“Għalhekk issa ma nistax ma nawgurax lill-Gvern biex bl-aktar mod immedjat u urġenti, juri li għalih is-settur tad-dijabete huwa importanti billi jaħtar lil din id-diabetic nurse,” qal Zammit Dimech.

Francis Zammit Dimech qal li l-fatt li fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex m’hemmx diabetic nurse huwa nuqqas serju meta wieħed jikkunsidra l-wegħdi kollha li għamel il-Gvern anke fil-Pjan Nazzjonali kontra d-Dijabete.

Sadanittant, fl-istess messaġġ l-MEP Francis Zammit Dimech reġa’ semma l-appelli li qal li ilu jagħmel lill-Gvern għal dawn l-aħħar xhur, fosthom biex il-pazjenti tad-dijabete jingħataw ‘Continuous Glucose Monitors’.

Appell ieħor biex jitqassmu labar tal-4mm flok tas-6mm lil pazjenti dijabetiċi ta’ età żgħira; biex jingħataw labar b’xejn lil pazjenti tat-Tip 2 dijabete; u fl-aħħarnett biex jitwaqqaf Kumitat Parlamentari dwar id-dijabete fi ħdan il-Parlament Malti.