Futbol Sport

L-Italja ssalva punt kontra l-Polonja

(Ritratt: EPA)

Il-kowċ nazzjonali Taljan Roberto Mancini għamel id-debutt b’mod kompetittiv fit-tmexxija tal-Italja bi draw ta’ 1-1 kontra l-Polonja, riżultat li jitqies diżappuntanti għalihom. Kellu jkun gowl ta’ Jorginho minn penalty li salva r-riżultat.

Il-Pollakki kienu marru minn fuq fl-40 minuta meta Jorginho tilef il-pussess f’żona perikoluża, Robert Lewandowski krossja mix-xellug fejn sab lil Piotr Zielinski li b’xutt mill-ewwel għeleb lil Gianluigi Donnarumma. It-tim Taljan ġab id-draw 12-il minuta mit-tmiem meta Jakub Błaszczykowski waqqa’ lil Federico Chiesa. Mill-11-il metru l-midfielder Jorginho qata’ lil Lukasz Fabianski biex evita telfa.

F’logħba oħra interessanti, ir-Russja fetħet l-impenji tagħha fin-Nations League b’rebħa barra minn pajjiżha kontra t-Turkija 2-1. Denis Cheryshev fetaħ l-iskor fit-13-il minuta b’xutt mill-ewwel wara li l-ballun spiċċa fid-direzzjoni tiegħu fil-kaxxa.

Serdar Aziz ġab id-draw fil-41 minuta b’xutt b’saħħtu minn pożizzjoni ċentrali, iżda r-Russja skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa fid-49 minuta meta Artem Dzyuba rċieva b’mod preċiż mingħand Yuri Gazinski u ma żbaljax mill-viċin.