Sport Waterpolo

Marsaxlokk Champions tal-Ewwel Diviżjoni għat-tielet sena konsekuttiva

BIRŻEBBUĠA FREEPORT…….. 10

MARSAXLOKK BROWN’S…….. 11

(5-3), (1-1), (0-2), (3-3), (1-2), (0-0)

Marsaxlokk Brown’s Pharmacy rebħu l-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni għat-tielet sena konsekuttiva wara li għelbu lil Birżebbuġa Freeport 11-10 wara l-ħin barrani. Il-format tal-kampjonat bil-play-offs spiċċa biex ħadem favur ix-Xlukkajri wara li kienu temmew l-ewwel fażi sitt punti wara l-istess Birżebbuġa.

Ix-Xlukkajri prattikament bidlu il-maġġoranza tat-tim mill-istaġun li għadda u saħansitra bidlu l-kowċ f’nofs l-istaġun, bit-Team Manager Joe Cremona jieħu r-riedni tat-tim u ta l-grinta tipika tiegħu biex ħareġ l-aħjar tat-tim.

Birżebbuġa għandhom għalfejn iħossuhom diżappuntati li ma rebħux il-kampjonat wara bidu daqshekk tajjeb. Fiż-żewġ finali tal-play-off Birżebbuġa ma kellhomx l-aqwa prestazzjonijiet iżda xorta setgħu rebħu l-logħbiet kieku ma fallewx okkażjonijiet ċari lejn it-tmiem.

Birżebbuġa kellhom bidu mill-aqwa meta bnew vantaġġ ta’ 5-1, iżda gowls ta’ Michael Rizzo u Norbert Hosnyanszky. L-Ungeriż reġa’ naqqas id-distakk fit-tieni sessjoni, iżda Ortoleva assigura li Birżebbuġa jidħlu jistrieħu b’vantaġġ doppju.

Id-determinazzjoni ta’ Marsaxlokk wasslet biex sal-ewwel tliet minuti tat-tielet sessjoni, ġabu d-draw permezz ta’ Brian Buhagiar u Norbert Hosnyanszky. Birżebbuġa reġgħu marru darbtejn minn fuq fl-aħħar sessjoni, iżda Marsaxlokk mhux talli wieġbu iżda marru minn fuq għall-ewwel darba. David Pace Lupi ġab id-draw biex il-logħba kompliet fil-ħin barrani.

Fil-ħin barrani, David Cutajar poġġa lil Birżebbuġa minn fuq, iżda żewġ penalties ta’ Norbert Hosnyanszky spiċċaw biex kienu determinanti biex Marsaxlokk rebħu l-logħba. Dan minħabba li fit-tieni sessjoni tal-ħin barrani, Birżebbuġa naqsu li jsibu tal-anqas gowl, fejn saħansitra fallew ċans tad-deheb fl-aħħar attakk tagħhom.

Fi tmiem il-logħba s-Segretarju Ġenerali tal-ASA Rita Azzopardi u ċ-Chairman Eżekuttiv tal-BOV Paul Gauci preżentaw it-trofew lill-captain ta’ Marsaxlokk Christian Gialanze.

Birżebbuġa: D. Abela, M. Borg, N. Cassar (1), D. Pace Lupi (1), S. Mora (1), J. Rizzo Naudi, S. Vassallo (1), D. Cutajar (3), S. Micallef, M. Cutajar, M. Ortoleva (1), J. Zerafa Gregory (2), D. Spiteri

Marsaxlokk: R. Coleiro, C. Spiteri Debarro, M. Cacici, C. Bonello, C. Gialanze (1), N. Hosnyanszky (6), J. Galea, M. Rizzo (2), B. Buhagiar (1), R. Scerri, M. Pace, O. Zammit, K. Lanzon (1)

Referees: Luca Bianco, Massimo Angileri