NEPTUNES LEO VEGAS………… 8
SAN ĠILJAN TUM INVEST…….. 9
(3-1), (1-1), (2-2), (1-3), (1-1), (0-1)
Neptunes Leo Vegas kienu viċin li jirbħu t-tieni logħba u jassiguraw ir-rebħ tal-25 kampjonat, iżda wara partita sħiħa minn fuq, meta marru minn taħt ma rnexxielhomx jirkupraw biex se jkollhom jilagħbu l-Ħadd fil-partita deċiżiva.
It-tim tal-Balluta kellu partita tajba fejn beda jikkontrolla lill-avversarji, iżda n-nuqqas ta’ Jordan Camilleri speċjalment fid-difiża, nħass mhux ftit. Il-Ġiljaniżi kellhom lill Matthew Zammit li tkeċċa fl-aħħar sessjoni, iżda b’xi mod San Ġiljan ħassew ftit anqas in-nuqqas milli Neptunes ħassew ta’ Camilleri.
Kienet id-determinazzjoni tat-tim Ġiljaniż li wasslet biex baqgħu fil-logħba, b’Andreas Galea jkun simbolu ta’ dan hekk kif wara li weġġa’ fl-ewwel konfront u kien kważi mhux se jilgħab, mhux talli lagħab iżda skorja tripletta.
Neptunes urew l-intenzjonijiet tagħhom mill-bidu u rebħu meritatament l-ewwel sessjoni 3-1. Gabriel Pace fetaħ l-iskor u Niki Lanzon rdoppja l-iskor. Jordan Camilleri għamilhom tlieta b’xutt fuq in-naħa tal-lemin u kollox deher pożittiv għalihom. Iżda l-gowl minn man-up ta’ Andreas Galea ta kuraġġ lil San Ġiljan.
Il-Ġiljaniżi kienu aħjar fit-tieni sessjoni, qasmu l-logħob mal-avversarji u ma kkonċedewx man-ups lil Neptunes. Huma rnexxielhom jagħmlu reazzjoni wara l-gowl ta’ Stevie Camilleri, permezz ta’ Paulo Obradovic u setgħu faċilment skorjaw l-uniku man-up li kellhom iżda x-xutt ta’ Andreas Galea għadda għoli.
B’żewġ gowls minn taħt, San Ġiljan kellhom jiġru wara l-logħba u l-logħba kompliet titqal wara lob mill-isbaħ ta’ Niki Lanzon li għamilhom 5-2. Matthew Zammit naqqas id-distakk u bi ftit inqas minn żewġ minuti għal tmiem it-tielet sessjoni ġie eskluż Jordan Camilleri bit-tielet fawl. Mill-azzjoni sussegwenti Dino Zammit għamilhom 5-4 u deher li l-logħba setgħet tinfetaħ beraħ. Iżda Gabriel Pace kellu ħsibijiet biex Neptunes bdew l-aħħar sessjoni 6-4 minn fuq.
Il-Ġiljaniżi reġgħu naqqsu d-distakk għal gowl fl-ewwel żewġ minuti tal-logħba, b’gowl ieħor minn man-up ta’ Andreas Galea, bl-istess plejer iġib id-draw wara li ngħata l-ispazju. Iżda bħal ma’ Neptunes tilfu lil Jordan Camilleri, San Ġiljan tilfu lill-captain Matthew Zammit meta ġie eskluż u wara ċapċap lir-referee Luca Bianco biex ġie muri l-karta l-ħamra u ngħata penalty favur Neptunes, b’Stevie Camilleri jiskorja. Pronta kienet ir-reazzjoni ta’ San Ġiljan li ġabu d-draw minn Paul Fava.
Minuta għat-tmiem, draw ta’ 7-7 u ż-żewġ timijiet sejħu time-out. Madankollu ma rnexxielhomx isibu l-gowl rebbieħ biex il-logħba kompliet fil-ħin barrani.
Il-bilanċ baqa’ fl-ewwel sessjoni tal-ħin barrani, b’Petar Muslim jerġa’ jpoġġi lil Neptunes fil-bidu tas-sessjoni, iżda tmien sekondi mit-tmiem tas-sessjoni, Dino Zammit ġab id-draw. Kien penalty ta’ Paulo Obradovic fit-tieni sessjoni li spiċċa biex kien deċiżiv.
Fl-aħħar attakk tagħhom, Neptunes kienu għoddhom ġabu d-draw, iżda r-referee ordna fawl, fost il-protesti kbar tal-kowċ Jovan Popovic, il-plejers u l-partitarji. Wara li ntemmet il-partita, kien hemm ukoll argumenti bejn partitarji ta’ San Ġiljan u plejers ta’ Neptunes.
Neptunes: A. Borg Cole, N. Lanzon (2), K. Erdogan, G. Pace (2), P. Muslim (1), N. Zammit, S. Camilleri (2), J. Camilleri (1), J. Abela, M. Zammit, J. Muscat, M. Azzopardi, J. Parnis
San Ġiljan: J. Tanti, P. Borg, A. Galea (3), B. Grech, C. Farrugia, M. Zammit (1), B. Plumpton, Da. Zammit, T. Said, P. Obradovic (2), P. Fava (1), D. Zammit (2), T. Micallef
Referees: Mario Dalli, Luca Bianco
Sliema jassiguraw it-tielet post
SIRENS GREENTUBE………….. 8
SLIEMA FRANK SALT…………. 13
(1-4), (2-3), (3-5), (2-1)
Wara li s-sena l-oħra ma spiċċawx mal-ewwel tlieta għall-ewwel darba mill-1995, Sliema Frank Salt assiguraw li jispiċċaw il-kampjonat fit-tielet post bit-tieni rebħa fil-play-off għat-tielet u r-raba’ post. Partita simili bħall-ewwel waħda, b’Sliema jikkontrollaw il-logħba filwaqt li l-antagoniżmu kien ferm differenti mis-semifinali li ż-żewġ timijiet lagħbu.
Sliema rebħu l-ewwel sessjoni 4-1, tmien minuti li wittew it-triq għal rebħa komda. Nicolas Bicari naqqas id-distakk fit-tieni sessjoni iżda gowls minn Michael Cordina u Jerome Gabarretta tawhom vantaġġ komdu ta’ erba’ gowls, distakk li żammew sat-tmiem it-tieni sessjoni.
Christian Presciutti u Gabarretta neħħew kull dubju mir-rebħa fil-bidu tat-tielet sessjoni. Minkejja l-vantaġġ notevoli, il-kowċ ta’ Sliema Sergio Afric baqa’ jinsisti mal-plejers li jibqgħu jilagħbu sal-aħħar minuta, bl-aħħar sessjoni sservi ta’ spazju għal diversi plejers li mhux soltu jilagħbu.
Sirens: N. Grixti, P. Privitera, E. Aquilina (1), N. Bicari (1), M. Grech (1), I. Riolo (2), C. Mercieca, J. Sciberras, J. Napier, L. Grech Carr, L. Caruana (1), J. Brownrigg (2), A. Bugeja
Sliema: J. Sammut, J. Gabarretta (4), C. Presciutti (3), J. Saliba (1), M. Meli, K. Dowling, M. Spiteri Staines (1), D. Fenech, M. Cordina (1), J. Gambin (1), Z. Mizzi (2), N. Bugelli, Z. Sciberras
Referees: Ronnie Spiteri, Gianluca Centineo
//= $special ?>