Internazzjonali

Attakki ġodda mill-qawwiet Russi fuq ir-ribelli fis-Sirja

Il-qawwiet tal-ajru tar-Russja attakkaw mill-ġdid il-belt Sirjana ta’ Idlib li hi l-aħħar fortizza ewlenija tar-ribelli li qegħdin jopponu lill-President tas-Sirja, Bashar al-Assad.

L-attakki ġodda seħħew wara li summit li sar fl-Iran dwar is-Sirja naqas milli jwaqqaf offensiva kbira ‘pendenti’ li qed tħejji l-Armata ta’ Assad fuq ir-ribelli f’Idlib.

Osservaturi b’interess fiż-żamma tad-drittijiet umani qalu li l-ajruplani militari Russi konċentraw l-aħħar attakki fuq il-pożizzjonijjiet tar-ribelli fl-inħawi tal-provinċja ( Idlib) lejn il-Lbiċ u meta kien mistenni li ‘l-attakki jkomplu bħala preludju għall-offensiva’.

L-ajruplani Russi laqtu zoni kontrollati mill-alleanza ġiħadista bl-isem Hayat Tahrir al-Sham u l-grupp Ahrar al-Sham, bil-għan li jeqirdulhom il-fortifikazzjonijiet. Dan meta n-Nazzjonijiet Uniti tikkunsidra l-alleanza Hayat – li għandha mal-10,000 ġellied f’Idlib – bħala grupp terroristiku.

Il-qawwiet ta’ Assad, li huma appoġġjati mir-Russja u l-Iran, q jidhru qrib ħafna li jibdew l-attakk ‘finali’ fuq Idlib li hu l-aħħar fortizza tar-ribelli anti-Assad fis-Sirja. Dan meta s-suldati Sirjani u l-milizzji alleati qed iħejju għall-offensiva kbira fuq ir-ribelli f’Idlib li, skont ir-rapporti, għandha titqassam fuq diversi fażijiet.

Sadanittant, it-Turkija u pajjiżi oħra qegħdin iwissu dwar traġedja umanitarja potenzjali f’Idlib u l-madwar.

Dan meta eluf ta’ residenti fil-provinċja Sirjana qed jorganizzaw il-protesti fit-toroq fost l-appelli għal ‘protezzjoni min-naħa tal-komunità internazzjonali’. L-għajta li qed tidwi minn Idlib hi ‘biex in-Nazzjonijiet Uniti tintervjeni u twaqqaf it-tixrid tad-demm tas-Sirjani’.