Lokali

Espert li skopra mijiet ta’ ħut impressjonat bil-kwalità tal-passatemp tal-akkwarji f’Malta

Bl-espedizzjonijiet tiegħu madwar id-dinja, il-Ġermaniż Heiko Bleher mhux biss skopra mijiet ta’ speċi differenti ta’ ħut li llum jiddominaw l-akkwarji madwar id-dinja iżda wkoll ikkontribwixxa biex, grazzi għal dan il-passatemp, dawn il-ħut ma ntilfux għal dejjem.

Fl-aħħar jiem, grazzi għall-Għaqda tad-Dilettanti tal-Akkwarji, Bleher irritorna f’pajjiżna għat-tieni darba wara żjara oħra sitt snin ilu. Jgħid li baqa’ impressjonat bl-interess u l-avvanzi li saru.

Sal-Ħadd li ġej, fl-Isptar Monte Karmeli, l-Għaqda tad-Dilettanti tal-Akkwarji qed tesebixxi numru kbir ta’ ħut u akkwarji bħala parti mill-wirja annwali tagħha. Fost dawn wieħed isib ukoll speċi li kienu skoperti mill-istess Bleher fl-aħħar snin.