Ġimgħatejn bogħod mill-bidu tas-sena skolastika, jibqgħu jippersistu d-dubji dwar il-wegħda tal-Gvern li jipprovdi trasport b’xejn għall-istudenti fi Skejjel tal-Gvern, tal-Knisja u Indipendenti.
U minkejja l-pompi f’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo baqa’ ma kkommettiex ruħu li s-servizz ta’ trasport b’xejn se jkun qed jilħaq lil kulħadd.
Minflok, hu uża’ l-iskuża li mhux se jkun hemm biżżejjed operaturi biex jinqdew it-tfal kollha, meta qal li dan il-proġett qed isir fi stadju gradwali.
In-nuqqas ta’ pożizzjoni ċara mill-Ministru tal-Edukazzjoni kienet evidenti wkoll mill-fatt li ma kien kapaċi jwieġeb kemm se jintefqu flus f’dan il-proġett … għax irrikonoxxa li kollox idur ma’ kemm se jkun hemm studenti li jinqdew.
Inċertezza wkoll dwar is-superviżjoni tat-tfal abbord il-vetturi, hekk kif il-ħsieb oriġinali tal-Gvern kien li jkunu l-Edukaturi tal-Iskejjel rispettivi li jagħmlu dan ix-xogħol. Iżda din il-proposta kienet sabet oġġezzjoni qawwija mir-rappreżentanti tal-Għalliema.
U issa, ġimgħatejn qabel il-bidu tas-sena skolastika, il-Ministru Evarist Bartolo jgħid li għadu jrid iħares lejn kif se titwettaq is-superviżjoni.
Din l-inċertezza tistona sew mal-istampa li qed jipprova jagħti l-Gvern u l-Partit Laburista. Dan hekk kif fi stqarrija, wara din il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Partit Laburista tenna li l-wegħda se tinżamm mal-istudenti fl-Iskejjel kollha (stampa isfel) … iżda ċar li dan mhux il-każ.
Il-wegħda ta’ trasport b’xejn għall-istudenti kollha kienet idea taż-żewġ partiti politiċi ewlenin qabel l-elezzjoni ġenerali tas-sena li għaddiet.
Iżda issa qed jidher ċar li filwaqt li l-proposta tal-Partit Nazzjonalista kienet bi pjan ċar u maħsuba skont il-ħtiġijiet tal-isudenti, il-wegħda tal-Partit Laburista kienet biss fl-ajru … tant li ġimgħatejn qabel il-bidu ta’ sena skolastika ġdida, għad hemm biss inċertezza.
//= $special ?>