Hekk kif aktar kmieni din il-ġimgħa bdiet il-Kawża Kostituzzjonali mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia biex ir-Rapport sħiħ tal-Maġistrat Aaron Bugeja jasal ukoll għandu bħala Kap tal-Oppożizzjoni, fil-Qorti tressqet il-lista sħiħa ta’ xhieda li Adrian Delia jrid iressaq b’rabta mal-każ.
Fl-argument tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni qed isostni li l-Avukat Ġenerali qed jagħmel diskriminazzjoni politika bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni meta ppermetta li r-Rapport sħiħ dwar il-kumpanija Egrant ingħata biss lill-Prim Ministru u mhux lilu.
Hu għalhekk li Adrian Delia talab li fost il-lista tax-xhieda jkun hemm l-Avukat Ġenerali nnifsu, Peter Grech, anke dwar jekk irċeviex xi forma ta’ linji-gwida minn xi Uffiċjal tal-Gvern. Hu mistenni jkun mistoqsi wkoll kemm-il darba għadda kopja sħiħa ta’ xi Inkjesta Maġisterjali lil xi persuna involuta u jekk qattx ta xi kopja lill-ġurnalisti.
Xhud ieħor mistenni jkun il-Prim Ministru Joseph Muscat, li mistenni jkun mistoqsi jekk għaddiex xi kopja tar-Rapport li għaddielu l-Avukat Ġenerali lil xi ħadd ieħor, filwaqt li mistenni jintalab jippubblika kwalunkwe korrispondenza li kellu ma’ Peter Grech jew ma’ xi terzi persuni dwar il-każ.
Esponenti qrib ħafna tal-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Ministru Konrad Mizzi, iċ-Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri, il-Konsulent u eks Kummissarju Ewropew John Dalli, kif ukoll il-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern Kurt Farrugia, kollha se jkunu wkoll fost ix-xhieda.
Filwaqt li Mizzi, Schembri u Dalli mistennija jixhdu dwar kwalunkwe informazzjoni li jista’ jkollhom pussess tagħhom dwar l-Inkjesta Egrant, Farrugia mistenni jixhed dwar stqarrijiet li l-Gvern jew il-Partit Laburista setgħu ħarġu. Ma’ Farrugia, hemm inkluż ukoll il-Kap tad-Dipartiment tal-Informazzjoni.
Il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici mistenni jixhed dwar jekk għandux fil-pussess tiegħu kwalunkwe dokumentazzjoni relatata ma’ Egrant, kif ukoll dwar ir-relazzjoni mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. U l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar mistenni jissejjaħ jixhed dwar investigazzjonijiet li l-Korp għamel b’rabta mal-Inkjesta.
L-Avukati Pawlu Lia u Edward Gatt se jissejħu minħabba l-involviment tagħhom bħala Avukati ta’ diversi esponenti tal-Partit Laburista, filwaqt li Edituri u ġurnalisti ta’ gazzetti indipendenti se jkunu qed jixhdu dwar stejjer li ppubblikaw b’rabta mal-Inkjesta li nżammet.
Min-naħa tagħhom, il-preżentatur tal-media Laburista Karl Stagno Navarra u l-Kap Eżekuttiv tal-media Laburista mistennija jissejħu biex jixhdu wkoll dwar kwalunkwe dokumentazzjoni li seta’ kellhom fil-pussess tagħhom waqt li l-Prim Ministru kien għadu qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar l-Inkjesta.
Persuni oħrajn li qed jintalbu jixhdu mill-Kap tal-Oppożizzjoni jinkludu wkoll lil Karl Cini u Brian Tonna ta’ Nexia BT, kif ukoll l-eks Investigatur tal-FIAU Jonathan Ferris, dwar kwalunkwe aċċess li jista’ għandhom għar-Rapport tal-Maġistrat Bugeja, kif ukoll dwar l-involviment tagħhom fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija.
It-tmexxija u l-impjegati tal-Bank Pilatus mistennija jissejħu biex jixhdu dwar informazzjoni li setgħu taw lill-Maġistrat Bugeja u jekk ingħatawx kopja tar-Rapport sħiħ tal-Inkjesta. Min-naħa tiegħu, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna mistenni jixhed dwar jekk talabx jew ingħatax kopja tar-Rapport sħiħ, filwaqt li jiddikjara x’informazzjoni relatata mal-Inkjesta għandu.
Xhieda oħra tinkludi wkoll liċ-Chairman u Uffiċjali oħra tal-FIAU, kif ukoll iċ-Chairman u l-Uffiċjali tal-MFSA, biex ikun stabbilit jekk iż-żewġ organizzazzjonijiet qattx interrogaw lill-protagonisti fl-Inkjesta u jekk kienux aċċettaw li jixhdu quddiem il-Maġistrat Bugeja.
//= $special ?>